Brexit bla ftehim: Effett ħażin fuq it-turiżmu f’Malta, vaganzi irħas fir-Renju Unit

Read in English.

Brexit bla ftehim jista’ jkollu effett fuq it-turiżmu u l-kummerċ f’Malta iżda jista’ jwassal għal vaganzi irħas fir-Renju Unit għal Maltin. Dan sostnietu Dr Stephanie Fabri, ekonomista u lekċerer fl-Università ta’ Malta.

Meta kienet qed titkellem ma’ Newsbook.com.mt, Dr Fabri qalet li Brexit bla ftehim, jiġifieri t-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim se jaffettwa lil Malta eżattament kif jaffettwa l-bqija tal-Unjoni Ewropea.

L-ekonomista għamlet il-kummenti tagħha bħala parti mill-analiżi tad-dokument qabel il-baġit għall-2020. Filwaqt li d-dokument jiddiskuti l-aspirazzjonijiet ekonomiċi ta’ Malta, fatturi esterni bħala Brexit jirrikjedu ekonomija b’saħħitha li kapaċi tilqa’ għax-xokkijiet ekonomiċi.

Dr Fabri qalet li bl-Isterlina li kapaċi tinżel fil-valur, l-Ingliżi se jsibu lil Malta ogħla biex iqattgħu l-vaganzi tagħhom hawnhekk u li dan jista’ jkollu impatt wara li l-istatistika turi li t-turisti mir-Renju Unit jibqgħu l-aktar numerużi. Is-sena li għaddiet, turisti mir-Renju Unit (444,636) kienu d-doppju tat-Taljani (203,504), il-Ġermaniżi (165, 483) u l-Franċiżi (150,902). Bl-istess mod, it-turisti Brittaniċi nefqu (€57.6 miljun) tliet darbiet iktar mit-Taljani (€21.9 miljun) u konsiderevolment iktar mill-Ġermaniżi (€19.7 miljun) u l-Franċiżi (€18.8 miljun).