Brexit approvat mill-Parlament Ewropew

Read in English.

Il-Ftehim ta’ Ħruġ ġie approvat mill-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa b’621 voti favur, 49 kontra u 13 astensjoni.

Matul dibattitu ftit qabel il-vot flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u l-Kap Negozjatur tal-UE Michel Barnier, il-Parlament qies il-proċess ta’ ħruġ s’issa u l-isfidi li għad fadal.

F’kummenti dwar l’importanza storika tal-vot, il-maġġoranza tal-kelliema f’isem il-gruppi politiċi qalu li l-ħruġ tar-Renju Unit mhux ser ikun it-tmiem tat-triq għar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u li r-rabtiet bejn il-popli Ewropej huma b’saħħithom u ser jibqgħu hekk. Huma semmew ukoll li jeħtieġ li jitgħallmu lezzjonijiet mill-Brexit li għandhom ifasslu l-futur tal-UE u rringrazzjaw lir-Renju Unit u l-MPE għall-kontribut tagħhom tul is-sħubija tar-Renju Unit.

Bosta minn dawk li tkellmu tennew il-kisbiet tal-Parlament fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u biex inaqqsu l-impatt negattiv tal-Brexit fuq il-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Huma wissew ukoll li n-negozjati dwar ir-relazzjoni futura ser ikunu diffiċli, speċjalment minħabba ż-żmien qasir biex titfassal ir-relazzjoni futura.