Breathalysers b’xejn u karozza mfarrka f’Ta’ Qali

DOI - Pierre Sammut

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg ħabbar li f’dan is-sajf se jkunu qed jitqassmu breathalysers b’xejn f’postijiet ta’ divertiment u fl-iskejjel tas-sewqan, u f’Ta’ Qali se titqiegħed karozza li kienet involuta f’inċident serju tat-traffiku.

Qal li din tifforma parti minn tliet inizjattivi favur aktar responsabiltà fis-sewqan, li se jkunu immirati l-aktar lejn iż-żgħażagħ.

Spjega kif il-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà fit-Toroq qed iniedi l-kampanja bit-tema “Gawdi s-sajf. Asal id-dar b’mod sigur”. Semma kif se titqiegħed karozza mfarrka f’Ta’ Qali, li kienet involuta f’inċident serju tat-traffiku, biex tfakkar lil kulħadd dwar l-importanza li m’għandux isuq jekk ikun fis-sakra.

Se jitqassmu wkoll b’xejn disposable breathalysers  fil-postijiet tad-divertiment biex persuna tiċċekkja l-livell tal-alkoħol fis-sistema qabel tippjana jekk issuqx jew le lejn id-dar.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà fit-Toroq li spjega kif se jingħaqdu fl-avveniment għaż-żgħażagħ “Unite with Tomorrowland” biex persuni jiktbu messaġġi favur is-sigurtà fit-toroq.

Tħabbar ukoll li l-iskejjel tas-sewqan se jibdew ukoll iqassmu breathalysers  b’xejn lil min ikun qed jitgħallem il-karozza, biex l-edukazzjoni tibda mill-ewwel esperjenza ta’ sewqan.