Breathalyzers: Il-Qrati bla statistika għall-kuntrarju tal-Pulizija

Filwaqt li l-Pulizija kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex iżommu statistika ta’ kemm persuni jgħaddu mit-test tal-breathalyzers u każijiet ta’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, jidher li l-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma jżommux rendikont ta’ dan.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal fil-Parlament li l-Qrati ta’ Malta u Għawdex ma jżommux statistika dwar każijiet marbutin ma’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol.

Bonnici kien qed iwieġeb mistoqsija tal-Whip Laburista Glenn Bedingfield li staqsa sabiex jiġi provdut biċ-ċifri ta’ kemm kien hemm kundanni mill-Qrati tal-pajjiż fuq każijiet marbuta ma’ sewqan taħt l-effett tal-alkoħol bejn l-2015 u l-2018.

Il-Ministru Bonnici ta l-istess tweġiba għall-każijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kemm sewwieqa tressqu l-Qorti wara li nstabu li kienu pożittivi għall-alkoħol meta sar fuqhom breathalyser test, kif ukoll każijiet ta’ dawk li jkunu rrifjutaw li joqgħodu għall-breathalyser test. Il-mistoqsijiet ukoll kienu magħmulih minn Bedingfield.

Iżda l-Pulizija żżomm rendikont…

Intant jidher li l-Pulizija żżomm rendikont ta’ dawn il-każijiet. F’risposta għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt il-Pulizija kienet qalet li fl-2018 il-breathalysers tal-Pulizija intużaw sitt darbiet f’Għawdex.

Min-naħa l-oħra, il-Pulizija f’Malta tagħmel medja ta’ erba’ testijiet tal-breathalyser fil-ġimgħa. B’kollox bejn Jannar u Ġunju tal-2018 f’Malta saru 105 testijiet. Dan ifisser li per kapita, f’Malta, dan it-test sar 1.39 aktar milli f’Għawdex. Ġie spjegat ukoll li f’Għawdex, bejn Jannar u Mejju tal-2018 kien hemm 23 roadblock, li fihom 20 persuna nstabu li kienu qed jiksru l-liġi.