Breakwater Marsaxlokk: Ix-xogħol kellu jibda f’Ottubru iżda għadhom għaddejjin l-istudji

Ix-xogħol tal-bini fuq il-breakwater ta’ Marsaxlokk kellu jibda f’Ottubru li għadda, iżda sal-lum għadhom għaddejjin l-istudji minkejja li hemm il-permessi kollha neċċessarji.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali fiex wasal dan il-proġett, bil-kelliema tgħid li “l-proġett beda u qiegħed fil-fażi tal-istudji.”
Spjegat li dan qed isir bil-għan li jiġi massimizzat il-potenzjal li joffru l-breakwaters biex jagħmluha aktar faċli għas-sajjieda biex jorbtu d-dgħajjes u jkollhom kenn waqt il-maltemp.
Iżda f’Awwissu tas-sena li għaddiet, il-Ministeru għall-Infrastruttua kien saħaq li se tinbena breakwater arm in-naħa tal-Ponta tal-Qrejten bħala parti mix-xogħol fuq il-breakwaters ta' Marsaxlokk.
Dan wara li f’Marzu tas-sena li għaddiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, dak iż-żmien Roderick Galdes kien qal li x-xogħol fuq il-breakwater kellu jibda fil-ħarifa. 
Tul dawk ix-xhur l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat unanimament l-applikazzjoni dwar il-breakwaters ta’ Marsaxlokk.
Fir-risposta għall-mistoqsiiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Kelliema tal-Ministru qalet li Transport Malta irnexxielha tikseb fondi mill-Unjoni Ewropea għall-proġett li se jinkludi l-immodernizzar u t-titjib ta’ slipways eżistenti, il-kostruzzjoni ta’ breakwater ġdid fil-ponta magħrufa bħala tal-Qrejten u r-restawr tal-breakwater ta’ Delimara. 
Mistoqsija dwar jekk hux veru hemm ħsieb li l-Port ta’ Marsaxlokk jinbidel f’yacht marina, il-kelliema wieġbet fin-negattiv.
Jumejn ilu, is-Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Gauci saħaq li sal-lum il-Kunsill Lokali għadu ma jaf b’xejn dwar dan il-breakwater.
Spjega li l-Kunsill iltaqa’ mal-Koperattivi tas-Sajjieda u se jkun qed jikteb lill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg u lis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Clint Camilleri.