“Bravi” – Il-Papa dwar il-Maltin

Read in English.

Il-Papa Franġisku tkellem dwar il-Maltin fl-Udjenza Ġenerali tal-lum fejn irrefera għalihom bħala “bravi”. Hu kien qed jirrakkonta l-istorja ta’ meta l-vapur li fuqu kien San Pawl, 2000 sena ilu, inkalja f’Malta.

Il-Papa għamel riflessjoni fuq din il-ġrajja Maltija hekk kif din is-sena, il-Maltin u l-Għawdxin ħadu ħsieb it-talb u r-riflessjonijiet li qed ikunu mxerrdin fid-djoċesijiet kollha tad-dinja fost il-knejjes Insara kollha tad-dinja għal din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara.

Il-Papa Franġisku spjega li t-tema ta’ din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda hija dik tal-ospitalità. Il-Maltin għażlu passaġġi mill-Bibbja li jitkellmu dwar l-ospitalità li kellhom il-Maltin 2,000 sena ilu għal San Pawl u dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħu.

Hu rrakkonta kif filwaqt li dawn il-256 persuna li kienu fuq il-vapur esperjenzaw il-brutalità tal-baħar, meta waslu fuq l-art esperjenzaw xi ħaġa ġdida. Huma ġew milqugħa fuq din l-art tal-“ħlewwa liema bħala”. Spjega kif minkejja li dawn in-nies kienu barranin, il-Maltin kienu attenti għall-ħtiġijiet tagħhom. Qabbdulhom in-nar biex jisħnu, offrewlhom il-kenn mix-xita u anke offrewlhom l-ikel x’jieklu. Il-Papa rrimarka li l-ospitalità spontanja u l-ġesti ta’ għożża tal-Maltin jwasslu xi ħaġa mill-imħabba ta’ Alla. Qal li l-ospitalità tal-Maltin ħallset lura bil-mirakli ta’ fejqan li Alla wettaq permezz ta’ Pawlu fuq il-gżira.

“L-ospitalità hi importanti; u hija wkoll virtù ekumenika importanti. Qabel xejn tfisser li nagħrfu li l-Insara l-oħra huma tassew ħutna fi Krista. Aħna aħwa…Mhuxiex att ta’ ġenerożità f’direzzjoni waħda biss, għax meta nospitaw lill-Insara l-oħra nkunu nilqgħuhom bħala don li qed jinagħata lilna. Bħall-Maltin – bravi dawn il-Maltin – aħna nirċievu ħlas lura, għax nirċievu dak li l-Ispirtu s-Santu żera’ f’dawn ħutna, u dan isir don għalina ukoll, għax l-Ispirtu s-Santu wkoll jiżra’ l-grazzji tiegħu ma’ kullimkien,” qal il-Papa Franġisku.

Irrimarka kif l-ospitalità ekumenika titlob id-disponibbiltà li nisimgħu lill-oħrajn, billi nkunu attenti għall-istejjer personali tagħhom ta’ fidi u lejn l-istorja tal-komunità tagħhom li tista’ tkun differenti minn dik tagħna.

Il-Papa Franġisku semma kif illum, il-baħar li fuqu nnawfragaw Pawlu u sħabu għadu post perikuluż għall-ħajja ta’ baħħara oħra. Spjega li fid-dinja kollha hemm immigranti rġiel u nisa li qed jaffaċċjaw vjaġġi riskjużi biex jaħarbu mill-vjolenza, mill-gwerra, u mill-faqar. Spjega kif bħal Pawlu u sħabu jġarrbu l-indifferenza, l-ostilità tad-deżert, tax-xmajjar, tal-ibħra. Spjega li ħafna drabi ma jħalluhomx jiżbarkaw fil-portijiet. Spjega kif b’xorti ħażina, xi drabi jiltaqgħu anki ma’ ostilità agħar minn hekk min-naħa tal-bnedmin. Dan hekk kif jiġu sfruttati minn traffikanti kriminali, jiġu ttrattati bħala numri u bħala theddida minn xi mexxejja ta’ gvernijiet. “Xi drabi n-nuqqas ta’ ospitalità bħal mewġa jobżoqhom lejn il-faqar u l-perikli li minnhom ikunu ħarbu,” qal il-Papa.

“Aħna, bħala Nsara, għandna naħdmu flimkien biex nuru lill-immigranti l-imħabba ta’ Alla li dehret f’Ġesù Kristu. Nistgħu u għandna nagħtu xhieda li ma jeżistux biss l-ostilità u l-indifferenza, imma li kull persuna hi prezzjuża f’għajnejn Alla u maħbuba minnu. Il-firdiet li għadhom jeżistu bejnietna jżommuna milli nkunu b’mod sħiħ is-sinjal tal-imħabba ta’ Alla. Meta naħdmu flimkien biex ngħixu l-ospitalità ekumenika, b’mod partikulari lejn dawk li ħajjithom hija iżjed vulnerabbli, lilna l-Insara kollha – Protestanti, Ortodossi, Kattoliċi, l-Insara kollha – dan jagħmilna bnedmin aħjar, dixxipli aħjar u poplu Nisrani iżjed magħqud. Iqarribna iżjed lejn l-għaqda, li hija r-rieda ta’ Alla għalina,” temm jgħid il-Papa.