Brangelina jitilqu minn Għawdex u Mġarr ix-Xini se jibqa’ magħluq

Illum Angelina Jolie, Brad Pitt flimkien ma’ uliedhom ħallew Għawdex fuq jott, hekk kif nhar il-Ġimgħa li għadda sar il-ġbid tal-aħħar xeni għall-film By the Sea, li l-maġġor parti tiegħu nġibed fi Mġarr ix-Xini. Id-destinazzjoni li jmiss għall-koppja ta' Hollywood hi Sydney fl-Awstralja,
Newsbook.com.mt huwa infurmat li minkejja dan, l-aċċess għall-bajja ta’ Mġarr ix-Xini se jibqa’ magħluq għas-sitt ġimgħat li ġejjin. Infurmati li dan se jsir sakemm jiżżarma s-sett li kien qed jintuża fil-film. L-inħawi se jibqgħu jiġu mgħassa mill-uffiċjali tas-sigurta’ u mill-pulizija. Ilbieraħ il-koppja rringrazzjat lil Għawdex għal din l-esperjenza sabiħa.
Imġarr ix-Xini ilu magħluq għall-pubbliku mit-18 ta’ Awwissu u matul dawn l-aħħar tliet xhur, kienu bosta dawk li lmentaw għax ma setgħux imorru jgħumu, jimxu, imorru fl-għelieqi tagħhom, jiżżewġu, jieħdu r-ritratti jew jgħoddsu.
Oħrajn ħassewhom ixxurtjati li setgħu jaħdmu daqshekk mill-qrib ma’ dawn iż-żewġ stilel ta’ Hollywood, filwaqt li oħrajn iddubbaw €200 għax ma setgħux joħorġu x'ħin iridu mid-dar.
Il-film By the Sea għandu kitba u direzzjoni ta’ Jolie, u huwa l-ewwel proġett tagħha u ta’ Pitt minn meta għamlu Mr & Mrs Smith fl-2005.
Huwa film romantiku u jitratta l-isfidi li affaċċjaw koppja miżżewġa meta marru fuq btala madwar l-Ewropa fis-sebgħinijiet.
Minbarra fi Mġarr ix-Xini, xeni oħra tal-film inġibdu l-Għarb, l-Għasri, ix-Xewkija, Ta’ Sannat u Marsalforn.
By the Sea mistenni joħroġ fiċ-ċinema s-sena d-dieħla.
Ritratti: Reno Rapa/Joseph Zammit