Bram jew le? X’inhu eżatt?

Dan l-aħħar ħafna nnuttaw kreatura fil-bajja tax-Xwejni f’Għawdex li tidher simili għal brama, tant li wħud inkwetaw għax ħasbu li daħal ammont kbir ta’ bram fil-bajja.

Madanakollu jidher li m’hemmx lok għall-allarm hekk kif skont il-Professur Alan Deidun dan mhu xejn ħlief grupp kbir ta’ żooplankton magħruf bħala radiolarians.

Il-Prof. Deidun qal li din il-ħlejqa tal-baħar ġeneralment tikber u tisplodi fl-ammont wara l-ewwel xita lejn l-aħħar tas-sajf. Huwa qal li din dan iż-żooplankton mhux ta’ periklu, anzi hija ħlejqa delikata u grazzjua li ma tniggiżx bħal bram. Huma għandhom skeletru flessibli simili għal tal-bram, li jżommom f’wiċċ l-ilma hekk kif iġibu l-enerġija mid-dawl tax-xemx viċin il-wiċċ.