Brian Tonna u Karl Cini jitolbu li l-passaporti jitneħħew mill-blogg

Brian Tonna u Karl Cini qed jitolbu lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data biex l-informazzjoni relatata magħhom titneħħa mill-blogg tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. L-informazzjoni ppubblikata fl-10 ta’ Mejju 2017 tinkludi ritratti tal-passaporti tagħhom.

Dan sar magħruf permezz ta’ stqarrija li ħarġet Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia li qalet li Tonna u Cini jridu li l-liġi li daħlet fit-28 ta’ Mejju 2018 tapplika b’lura għall-kontenut li ġie ppubblikat mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia f’Mejju 2017.

F’ittra li bagħat l-armel ta’ Daphne Caruana Galizia lill-uffiċċju tal-Kummissarju jgħid li l-ebda liġi ma tista’ tiġi applikata b’lura u għaldaqstant, l-ebda talba b’lura ma tista’ tintlaqa’ mill-Kummissarju. Aktar minn hekk, Peter Caruana Galizia jgħid li l-azzjoni li qed tintalab taqa’ wkoll għax għaddew aktar minn 12-il xahar li skont il-liġi tista’ tapplika għaliha.

Jgħid li l-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar l-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia ta’ struzzjonijiet biex il-kontenut ta’ www.daphnecaruanagalizia.com jibqa’ intatt. Jisħaq li jekk jitħassru jkunu qed imorru kontra deċiżjoni tal-Qorti.

Tista’ taqra l-ittra sħiħa li l-avukat Peter Caruana Galizia bagħat lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data.