Brad Pitt u Angelina Jolie jaslu Malta għall-film il-ġdid

Il-koppja famuża Brad Pitt u Angelina Jolie waslu Malta llum.
Huma se jkunu qegħdin jirreċtaw fil-film By The Sea, li se jiġi ffilmjat f’Mġarr ix-Xini f’Għawdex.
Pitt u Jolie waslu Malta b’titjira privata minn Nizza u baqgħu sejrin Għawdex fejn jidher li se jkunu qed joqgħodu fix-xhur li ġejjin.
Din mhix l-ewwel darba li Brad Pitt ġie fostna għaliex fil-passat kien irreċta fil-films Troy u World War Z, li ġew iffilmjati f’Malta.
By The Sea, se jara lil Pitt u Jolie jirreċtaw flimkien wara l-film Mr & Mrs Smith, minn fejn kienet nibtet l-imħabba tagħhom.
Dan il-film se jiġi rilaxxat fiċ-ċinema mill-kumpanija Universal Pictures u se jkollu d-direzzjoni ta’ Angelina Jolie.
Ma nistgħux ngħidu li l-għeluq tal-bajja għat-tliet xhur li ġejjin ma ġabitx magħha xi naqra tal-kontroversja.
Uħud mill-Maltin qed jissimpatizzaw mal-koppja Ingliża Maria Arpa u David Ellis, li kellhom il-bajja ibbukjata għat-tieġ iżda baqgħu b'xejn.
Huma kellhom jiżżewġu fit-4 ta’ Ottubru li ġej.

L-istorja tagħhom kienet spiċċat ukoll fuq il-BBC iżda mhux magħruf jekk Brad Pitt u Angelina Jolie jafux bit-talba tagħhom li jingħataw iċ-ċans li jiżżewġu f’din il-bajja, li fil-preżent hija magħluqa għall-pubbliku.