B’Qalb ta’ Missier

Il-Papa Franġisku, fit-8 ta’ Diċembru li għadda, ħareġ Ittra Appostolika fuq San Ġużepp, bl-isem B’qalb ta’ Missier, u għażel li jiddedika din is-sena lil San Ġużepp.

San Ġużepp ma tismax ħossu fl-Evanġelju. Kważi dejjem qisu minn wara l-kwinti. Preżenti, jaħdem, jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu, imma fil-kwiet. F’dinja ta’ ħafna protagoniżmu, San Ġużepp jurina qabel xejn il-valur li l-protagonist jibqa’ l-Mulej u aħna nkunu l-aktar f’postna meta niftħu qalbna għalih u nfittxu r-rieda tiegħu.

Fl-Evanġelju ma nsibux kelma li qal. Anzi, fil-ftit okkażjonijiet li niltaqgħu miegħu, insibuh jisma’. Insibuh jiftaħ widnejh u jipprova jifhem il-messaġġ ta’ Alla. F’dinja ta’ ħafna kliem, kultant kliem vojt, San Ġużepp jgħallimna x’jiġifieri tisma’ u tagħti widen bis-serjetà.

Fl-Evanġelju nsibuh dejjem jipproteġi l-ħajja. L-ikbar tbatija ta’ San Ġużepp kienet biex ikun protettur tal-ħajja ta’ Marija u ta’ Ġesù, sa minn meta kien għadu ma twilidx imma kien imnissel. Hemmhekk kellu jieħu azzjoni biex jiddefendi l-ħajja, u għamel dan bil-kuraġġ kollu. F’dinja fejn hemm min imexxi ’l quddiem il-kultura tal-mewt, San Ġużepp jurina kif irridu nkomplu nħarsu l-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Il-ħajja tahielna Alla bħala don tiegħu u minna jistenna li nipproteġuha.

San Ġużepp jgħallimna kif ngħixu l-ħajja ordinarja ta’ kuljum b’ħafna sensittività u mħabba. Nitolbuh ikompli jkun ta’ ispirazzjoni f’ħajjitna u jħarisna b’qalb ta’ Missier.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn

Flimkien Jannar 2021 Cover