​”Bqajt ġewwa għax bżajt li joqtolni” – il-mara miżmuma taħt l-art

Mara li kienet qed tinżamm f’post taħt l-art f’Rikażli fil-Kalkara minn żewġha qalet li baqgħet hemm għax kienet qed tibża’ li jekk kien isibha barra, kien se joqtolha.
Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel allegatament imbotta lill-martu f’taraġ u tefagħha fil-baħar, sfurzaha tidħol fis-sottoterran, u stupraha darbtejn.
Il-każ kien beda f’Ottubru meta missier il-mara kien l-ewwel wieħed li avża lill-Pulizija li kienet nieqsa. Wara li sar ir-rapport, il-Pulizija bdiet it-tfittxija għall-mara li imbagħad instabet mitlufa minn sensiha f’Rikażli. Dan wara li interrogat lir-raġel li żvela l-post fejn kien qed jaħbi lil martu.
Fil-Qorti d-difiża staqsiet għalfejn il-mara kienet biddlet l-ewwel verżjoni tagħha  ta’ kif ġraw l-affarijiet. Il-Pulizija qalet li huma kienu tkellmu mal-mara ftit siegħat wara li seħħ l-inċident u kien ċar li kienet trawmatizzata.
Wara li rċiviet kura medika, il-mara spjegat li r-raġel tagħha ma kienx ħadha bil-karozza tiegħu lejn Rikażli iżda kienet ilqagħet miegħu hemm b’mod volontarju biex jiddiskutu l-każ tas-separazzjoni tagħhom.
Ir-raġel jinsab mixli b'attentat ta' qtil, li poġġa ħajjet martu fil-periklu, li wettaq atti sesswali vjolenti, li żammha kontra l-volontà tagħha u li kkawżalha biża’.  Barra minn hekk, ġie akkużat ukoll li kellu l-eroina, li kkaġuna ġrieħi lil iben martu u li hedded lil uffiċjali tal-pulizija.
Il-fotografu ta’ Newsbook.com.mt kien mar fis-sottoterran fejn kienet miżmuma l-mara għal tlett ijiem, fil-kesħa, fl-umdità u f’riħa insapportabbli, bil-ġuħ u bil-għatx.
Ritratt: Ian Noel Pace