“Bqajna b’xejn” – ħaddiem fl-Isptar Mater Dei

mater_dei

Ħaddiema fl-Isptar Mater Dei li spiċċaw ikollhom iħallsu €2 kuljum jekk jagħmlu użu mill-parking sostnew li laqgħa bejn il-General Workers’ Union u l-Gvern ma wasslet għall-ebda ftehim għall-ħaddiema.

Dan qalu sors viċin l-isptar li sostna li mhux talli spiċċaw bla parkeġġ iżda se jibqgħu mingħajr żieda fil-pagi.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-General Workers’ Union dwar dan il-każ, madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni ma rċevejniex risposta dwar l-aħħar aġġornamenti tad-diskussjonijiet.

Ħaddiema oħra li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li ġew infurmati li kienu se jieħdu lura xi ammont ta’ flus li jħallsu għall-parkeġġ fl-aħħar ta’ kull xahar. Madanakollu, qalet li ma tantx kienet konvinta b’dan peress li allegat li hemm ukoll diskrepanzi fil-pagi tal-overtime. Il-persuna li taħdem bħala skrivana qalet ukoll li bil-kontra ta’ ħaddiema oħra fl-isptar, nies fil-pożizzjoni tagħha ma jingħatawx ikel b’xejn fuq ix-xogħol.

Lura f’Ġunju, Newsbook.com.mt kien ikkuntattja lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon dwar il-każ tal-parkeġġ li kien spjega li l-parkeġġ ittieħed f’idejn kuntrattur ġdid. Hu insista li ladarba l-kuntrattur inbidel, il-parkeġġ b’xejn se jkun offrut għall-ħaddiema tiegħu u mhux għal dawk ta’ kumpaniji oħrajn.

Min-naħa l-oħra, single mother li taħdem fl-Isptar Mater Dei kienet qalet ma’ Newsbook.com.mt li trid trabbi lit-tliet ulieda b’paga ta’ €950 fix-xahar u ma setgħetx temmen li kienet se tintalab tħallas ma’ €50 fix-xahar sabiex issib parkeġġ viċin l-isptar.