“B’pixxina mad-dar u ddispraw ġewwa, aħseb u ara priġunier li ħadulu d-dinjità”

Fi żmien meta f’Malta kien hawn il-lockdown parzjali u ħafna kienu qed jibqgħu d-dar, kien hemm għexieren ta’ persuni fosthom persuni li għandhom dar kbira, bil-pixxina u l-ġnien, li sostnew li qed jiddispraw ġewwa. Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi, qal li meta wieħed li għandu kollox jiddispra, aħseb u ara priġunier li jgħix f’ċella fejn lanqas id-drittijiet bażiċi tiegħu m’huma qed jiġu rrispettati.

Newsbook.com.mt kien qed jitkellem ma’ Prof. Azzopardi dwar dik li issa hija magħrufa bħala l-Aġenzija Korrettiva ta’ Kordin, fuq is-suġġett ta’ attentati suwiċidji fil-ħabs.

X’qal Prof. Azzopardi dwar l-aħħar mewt f’Kordin?
Filmat: “Mietu fil-ħabs u ma nafux x’ġara” – il-Prof. Azzopardi

Il-ġimgħa li għaddiet, dan il-ġurnal żvela kif f’Awwissu li għadda fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien hemm żewġ attentati ta’ suwiċidju. Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt mill-Ministeru għall-Intern. Minn informazzjoni li għandu dan is-sit, jidher li dawn iż-żewġ priġunieri kienu qed jinżammu f’Diviżjoni 6, diviżjoni li tissejjaħ “id-diviżjoni tal-kastig”, hekk kif riċentament qed jintbagħtu fiha priġunieri li allegatament f’għajnejn id-direttur tal-ħabs għandhom jiġu kkastigati iktar.

Fiex tikkonsisti Diviżjoni 6?

  • magħmula minn żewġ sulari
  • ftit mudlama
  • sħana kbira
  • kultant jitfaċċaw il-ġrieden
  • iċ-ċelel fihom biss sodda jew saqqu u toilet
  • għandha bżonn ħafna tiswijiet
  • bla madum
  • bibien elettroniċi ma jaħdmux

Kif jiġu trattati l-priġunieri f’Diviżjoni 6?

  • inqas privileġġi: bla żjajjar u bla ta’ telefonati
  • ma jingħatawx ħwejjeġ jew xfafar
  • ma jingħatawx counselling jew terapija oħra
  • joħorġuhom miċ-ċella għal siegħa biss kuljum, li fiha jridu jaħslu ċ-ċella, jinħaslu, iċemplu lill-avukat, jieħdu ftit arja friska

Hu u jitkellem dwar dan is-suġġett, u partikolarment dwar din id-diviżjoni, Prof. Azzopardi spjega kif il-priġuniera li jitpoġġew f’din id-diviżjoni hemm ċans li jkunu maqfulin għal 23 siegħa kuljum fl-istess kamra.

Dwar l-attentati suwiċidji:
2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs

“Smajt nies li għandhom pool u ġnien u l-kumditajiet kollha jgħidulek li jiddispraw għax kellhom jiqbgħu d-dar u l-iżolament lanqas kienet mandatorja kompletament. Jiġifieri dawn setgħu ħarġu mixja bil-kelb. Immaġina imma persuna li tgħix għal 23 siegħa f’kamra, mingħajr post fejn jorqodu sew, ma jkollhomx x’jagħmlu, ċertu postijiet lanqas ikollhom fann jew arja. Lanqas jekk ikollok l-aktar moħħ san u jkollok familja u ħajja barra mill-ħabs li tista’ tgħix għaliha, għax ukoll tiddispra,” spjega Prof. Azzopardi.

Insista li filwaqt li l-ħabs mhux qed jaqbad il-ħabel u lill-bniedem jgħidlu dawwru m’għonqok, metaforikament hekk qed jagħmel. Irrimarka li l-ħabs qed jagħti lill-priġunieri l-għodda kollha biex jiddispraw. Semma li dawn ikunu magħluqin f’kamra u ma jkollhomx aċċess biżżejjed għal barra. Qal li din il-ħajja tikkawża ħsara kbira b’ħafna jispiċċaw isofru minn illużjonijiet, ma jibdewx jaraw u jaħsbu sew u anke titlalhom il-pressjoni.

Prof. Azzopardi qal li hu mhux qed jgħid li s-soċjetà tkun ħielsa għal kulħadd, anke għal min jagħmel il-ħażin, imma l-estrem ta’ ċerti diviżjonijiet tal-faċilità li huma “kważi ta’ żmien l-inkwiżizzjoni” mhux tajbin. “Li d-direttur stess jgħid li hemm persuni li jkollhom jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fil-barmil, naħseb jiena tgħid xi ħaġa,” irrimarka Azzopardi. Qal li wieħed jitratta lin-nies ta’ nies hija xi ħaġa importanti.

“Qed nirriskjaw li nrabbu s-salvaġiżmu fil-bniedem u mhux nirrabilitaw u mhux inkunu aġenzija,” kompla jgħid.

Il-Professur Andrew Azzopardi se jkun qed imexxi l-programm Andrew Azzopardi on 103 fuq 103 Malta’s Heart kull nhar ta’ Sibt bejn l-10am u 12pm.