Bowling: Min se jirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati tal-Mediterran?

Bejn għada u nhar it-Tnejn li ġej fl-Eden SuperBowl se jkun qed jittella' turnament organizzat mill-Malta Tenpin Bowling Association, bl-għan li jintgħażlu l-aqwa plejers li għandhom jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati tal-Mediterran f'Bologna f'April li ġej.
B'kollox se jintlagħbu 24 partita maqsuma bejn is-Sibt filgħodu, l-Ħadd filgħodu u t-Tnejn filgħaxija b'żewġ diviżjonijiet separati; waħda għall-irġiel u l-oħra għan-nisa.
Fi tmiem il-logħbiet, jiġu magħżula l-aqwa żewġ plejers irġiel u l-aqwa żewġ plejers nisa sabiex jirrappreżentaw lil Malta f'din id-19-il edizzjoni tal-Kampjonati tal-Mediterran.
Wara 18-il edizzjoni ta' dawn il-kampjonati, Malta tinsab fil-quċċata tal-klassifika tal-midalji mirbuħa, meta b'kollox il-plejers Maltin rebħu 36 midalja tad-deheb, tnejn iktar mill-Griegi u saħansitra ferm aqwa minn plejers ta' pajjiżi stabbiliti bħall-Italja, Franza, l-Iżrael, Spanja u t-Turkija.
Fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet Sue Abela, Tiziana Carannante, Mauro Anastasi u Mark Spiteri kisbu suċċess f'isem Malta meta b'kollox rebħu midalji sew tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż.