BOV u l-GWU jiffirmaw ftehim kollettiv

Read in English.

Il-Bank of Valletta iffirma ftehim kollettiv ta’ tliet snin għas-support employees tal-Bank of Valletta għas-snin 2019 sal-2021.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-BOV Mario Mallia, akkumpanjat mill-Uffiċjal Kap għall-Etika u l-Iżvilupp tal-Impjegati Anthony Scicluna u l-Eżekuttiv tal-HR Ray Debattista ffirmaw il-Ftehim Kollettiv f’isem il-Bank of Valletta.

Riccarda Darmanin li reċentement ġiet maħtura Segretarja tat-taqsima għall-Professjonisti, Finanzi u Servizzi, akkumpanjata mill-membri tal-Kumitat tal-Grupp għall-BOV, irrapreżentaw il-General Workers’ Union.

“Dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il- kundizzjonijiet tal-impjieg tal-kollegi tagħna u jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni tal-Bank of Valletta bħala employer of choice f’Malta,” qal is-Sur Mallia, “Dan il-ftehim għandu l-għan li jkompli jtejjeb il-bilanċ bejn il-ħtieġa għal kwalità u effiċjenza akbar fix-xogħol u titjib tal-kundizzjonijiet għall-impjegati.’

“Dan il-ftehim huwa r-riżultat ta’ negozjati kordjali f’ambjent impenjattiv ħafna. Madankollu, dawn in-negozjati ssarrfu f’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fost benefiċċji oħra,” qalet Riccarda Darmanin, “Dan il-ftehim itejjeb l-aspett finanzjarju u kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati, u l-Bank u l-GWU ser ikomplu bil-kollaborazzjoni tagħhom biex jipprovdu ambjent tax-xogħol aħjar.”