BOV Premier: Tikber l-inċertezza dwar fejn se jmur il-kampjonat

Żewġ logħbiet minn tmiem il-kampjonat BOV Premier, tkompli tinfetaħ beraħ it-tiġrija għar-rebħ tat-titlu wara li fi tmiem il-ġimgħa l-leaders Valletta waqqgħu żewġ punti oħra fil-konfront ta' Hibernians li issa jinsabu punt biss 'il bogħod.
Wara t-telfa kontra Floriana l-ġimgħa li għaddiet, Valletta ħadu biss punt fil-konfront tal-ġimgħa kontra Birkirkara.
Għal darb'oħra l-Beltin iddiżappuntaw fil-wirja tagħhom u kien grazzi għall-wirja qalbiena u stupenda tal-gowler Henry Bonello li salva punt importanti fi dro ta' 0-0.
Dan il-punt iżomm lil Valletta fil-quċċata tal-klassifika wara li f'logħba li ntlagħbet is-Sibt, Hibernians ġabu fix-xejn il-qawwa ta' Balzan meta għelbuhom bl-iskor ta' 3-1.
Sew bit-telfa ta' Balzan kif ukoll bid-dro ta' Birkirkara fi tmiem il-ġimgħa, dawn iż-żewġ timijiet ġew matematikament esklużi miċ-ċans li jirbħu l-kampjonat.
Fiż-żona l-ħamra, għalkemm il-matematika għadha ma kkundannat lil ħadd, Qormi u St.Andrews jidhru destinati dejjem iżjed għar-relegazzjoni, wara li Qormi ħadu dro ta' 1-1 kontra Naxxar Lions, waqt li St.Andrews tilfu 1-3 kontra Sliema Wanderers.
Naxxar Lions jidhru wkoll iżjed viċin li jilagħbu l-play off tar-relegazzjoni kontra Senglea Athletics li kklassifikaw fit-tielet post tal-Ewwel Diviżjoni.
Pembroke Athleta u Mosta aċċertaw ruħhom li staġun ieħor jibqgħu mal-kbar wara rebħiet fuq Floriana u Tarxien Rainbows rispettivament.

Ritratt: Joe Borg