BOV Premier: Tibda l-mixja lejn it-tmiem u kollox jinsab inċert

Fi tmiem il-ġimgħa, bdiet l-aħħar spinta lejn tmiem il-kampjonat BOV Premier.
Hekk kif kull tim issa fadallu jilgħab l-aħħar tliet logħbiet, it-taqtigħa finali għar-rebħ tal-kampjonat reġgħet infetħet beraħ, wara li d-distakk bejn il-leaders Valletta u s-segwaċi Hibernians, niżel għal tliet punti. Dan meta wieħed iqis ukoll li dawn iż-żewġ timijiet għad iridu jiltaqgħu kontra xulxin fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat.
Bla dubju l-iktar partita mistennija kienet dik bejn ir-rivali ġirien Valletta u Floriana, fejn il-Beltin waslu għal din il-logħba b'vantaġġ komdu ta' sitt punti fil-quċċata.
Għall-Furjaniżi, rebħa biss kienet tħallihom jibqgħu jittamaw li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat u fl-istess ħin iżommu r-ritmu maċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-patrun.
F'partita tattikament perfetta għal Floriana, huma ġabu fix-xejn il-qawwa ta' Valletta u rnexxielhom jirbħu bl-iskor ta' 2-0.
Għat-telfa ta' Valletta, Hibernians irrispondew bil-kbir hekk kif fil-partita tal-Ħadd, għelbu lir-rivali Tarxien Rainbows bl-iskor ta' 1-0.
Fin-naħa t'isfel tal-klassifika, Qormi jidhru destinati sew li staġun ieħor jilgħabu fl-ewwel diviżjoni, wara li reġgħu tilfu, din id-darba kontra Balzan bl-iskor ta' 3-0.
Madankollu t-taqtigħa dwar min se jinżel bit-tieni post mill-aħħar tibqa' waħda missielta, wara li St.Andrews tilfu bl-iskor ta' 1-3 kontra Birkirkara u Naxxar ħadu drò ta' 1-1 li ma tantx swiehom wisq kontra Pembroke Athleta.
Fil-partita l-oħra, pjuttost bla storja bejn żewġ timijiet f'nofs il-klassifika, Sliema Wanderers għelbu lil Mosta 1-0.

Ritratt: Joe Borg