BOV Plejer tax-Xahar: Michael Mifsud jirbaħ l-unur għal Awwissu

L-attakkant ta’ Valletta FC Michael Mifsud huwa l-BOV Premier League Plejer tax-Xahar għal Awwissu 2017.
Fi stqarrija l-BOV qal li l-attakkant ferm aġili ta’ Valletta fetaħ il-kont tal-gowls tiegħu għall-istaġun 2017/2018 bir-rebħa ta’ Valletta ta’ 1-0 fuq Senglea fejn huwa ġie vvutat bħala l-Plejer tal-Logħba.
Fit-33 minuta tal-logħba, Zerafa qassam b’mod preċiż lill-attakkant veteran fil-kaxxa, fejn Mifsud wera l-klassi kollha tiegħu meta bit-takkuna għeleb lill-goalkeeper ta’ Senglea Aquilina.
Mifsud kellu wirja b’saħħitha wkoll fil-logħba tal-ftuħ tal-istaġun għal Valletta kontra Mosta, u ġie mċaħħad li jitniżżel mal-lista tal-iskorers biss meta Zac Brincat intefa’ għal tulu biex jimblokka x-xutt imdawwar ta’ Michael.
Charles Grech Soler, il-Maniġer tal-Fergħa tal-Bank of Valletta fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta, ippreżenta t-trofew b’disinn ġdid tal-BOV Plejer tax-Xahar lil Mifsud li għażel lil Puttinu Cares biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.
Il-Bank of Valletta huwa sponsor ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta permezz tal-Programm Komunitarju estensiv tiegħu u dan huwa t-13-il staġun konsekuttiv li l-BOV qed ikun wieħed mill-isponsors prinċipali tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol ta’ Malta.