BOV mistennija titlef bank korrispondenti għad-dollaru ieħor

Read in English.

Il-Bank of Valletta ħabbar li ġie avżat mill-bank Awstrijakk Raiffeisen Bank International li dan qed ifittex li jtemm ir-relazzjoni ta’ correspondent banking fid-dollaru Amerikan mal-bank mill-31 ta’ Marzu 2021.

Il-bank qal li jinsab f’diskussjonijiet ma’ Raiffeisen rigward ir-relazzjoni kurrenti bil-għan li jinstab qbil biex titkompla.

Qal ukoll li qed jikkunsidra soluzzjonijiet alternattiva biex jiddiversifika il-mezzi disponibbli għall-ħlas fid-dollaru Amerikan.

Gvern ċass quddiem ‘l-għarqa tas-settur finanzjarju’ – PN

Fi stqarrija ffirmata mid-deputati Mario de Marco, Kristy Debono u Claudio Grech – il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-finanzi, is-servizzi finanzjarji u l-ekonomija rispettivament – il-Partit Nazzjonalista ddeskriva d-deċiżjoni ta’ Raiffeisen bħala daqqa ta’ ħarta oħra għas-settur finanzjarju ta’ Malta, li kien se jagħmilha aktar diffiċli biex investituri barranin jagħżlu lill-Malta.

Id-deputati fakkru li banek oħra, fosthom Deutsche Bank u ING, ħadu deċiżjonijiet simili fl-aħħar snin “fid-dawl tal-kollass tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”

Insistew li r-reputazzjoni tal-BOV iddgħajfet minħabba l-indħil politiku tal-gvern, tant li rċeviet downgrade minn Standard and Poor.

Fi stqarrija separata, il-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista qal li jinsab ikkonċernat ferm bl-aħbar, peress li Malta tidher li riesqa f’sitwazzjoni fejn ikollha aċċess limitat għal tranżazzjonijiet bid-dollaru.

L-FPPN qal ukoll li Malta qed taħsad dak li żergħat, minħabba ż-żieda fil-korruzzjoni, il-kultura tal-impunità, il-qtil ta’ ġurnalista investigattiva, u abbuż tas-servizzji finanzjarji. Dan kollu tort ta’ Joseph Muscat, qal il-forum: imma minkejja dan, il-Partit Laburista xorta ddeċieda jiddeskrivi l-ex prim ministru bħala eroj wara r-riżenja tiegħu mill-parlament.