Aġġornata: BOV mistenni jirkupra kważi l-flus kollha misruqa; Nuqqas ta’ trasparenza – Cassola

Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri ħabbar li l-bank kien irkupra 10 miljun ewro mill-flus li nsteqru mill-bank wara attakk ċibernetiku fi Frar li għada.

Scerri qal ukoll li hemm ċans tajjeb li bank jiġbor kważi l-flus kollha li nsterqu mit-€13–il miljun li tittieħdu, dan wara li l-BOV qabbad avukati f’ġurisdizzjonijiet barra minn Malta biex jittraċċaw il-flus misruqa.

F’rapport fuq il-midja lokali, Scerri qal li l-pulizija barranin skoprew u qabbdu n-nies li serqu dawn il-flus.

Huwa qal li l-flus kollha mistenni jinġabru ħlief għal ammonti żgħar ħafna ta’ inqas minn miljun ewro li dawn intefqu u ma jistgħux jiġbruhom lura.

Ir-reazzjoni ta’ Arnold Cassola għal-LĠA tal-BOV

Arnold Cassola, kandidat indipendenti għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal li l-laqgħa ġenerali annwali tal-BOV tal-bieraħ uriet nuqqas ta’ trasparenza u arroganza fi kliem iċ-Chairman u l-avukat li kien qed jassistih.

Cassola kkwota liċ-Chairman meta qal li d-deċiżjonijiet passati tal-BOV mhumiex problema tiegħu peress li ma kinux f’idejh.

Kompla jgħid li l-mod kif irreferew għat-€13-il miljun, bħala “negliġibbli”, huwa sinjal ta’ nuqqas ta’ rispett u insensittività lejn il-maġġoranza tal-klijenti, pereżempju lejn il-pensjonanti li affettwawhom l-azzjonijiet tal-BOV.