​Botta u risposta dwar ‘indħil politiku’ fi proposti għall-Kunsill tal-Malti

L-Oppożizzjoni kkritikat emendi proposti mill-Gvern għall-Kunsill Nazzjonali tal-ilsien Malti għal dak li sejħet bħala lok għal iżjed “indħil politiku” mill-Gvern. Il-Ministru, min-naħa tiegħu  staqsa jekk dak li qed tara l-Oppożizzjoni hix kritika ġenwina jew ‘paranoia’.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal li dan hu sintomatiku tal-mod kif qed jaġixxi l-gvern li qed iżid il-kontroll fi kwalunkwe awtorità nominalment awtonoma. Huwa awgura li d-differenzi bejn Gvern u Oppożizzjoni jiġu ndirizzati fi stadju ta’ kumitat b’mod li l-Parlament ikun jista’ jaqbel b’mod unanimu.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal qal li l-Kunsill se jkun fih 13-il membru li ħadd minnhom m’hu maħtur mill-Gvern. Qal li fost l-oħrajn il-Kunsill se jkun rappreżentat minn għadd ta’ entitajiet indipendenti fosthom l-Akkademja tal-Malti, l-Awtorità tax-Xandir u l-Istitut tal-Ġurnalisti kif ukoll rappreżentant tal-pubblikaturi Maltin.
Intant, iktar kmieni fl-istess dibattitu, Bartolo qal li l-Gvern se jkun qed jappoġġja l-ħolqien ta’ ċekkjatur tajjeb online għal-lingwa Maltija u biex ikun żviluppat kontenut elettriku bil-Malti.