​Botta u risposta dwar il-Karti tal-Identità u voti doppji

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi llejla ngaġġaw fi dwell verbali dwar l-allegati każi ta’ karti tal-identità doppji li wasslu biex persuni jidhru darbtejn fir-Reġistru Elettorali u għalhekk, jekk tissejjaħ elezzjoni, jistgħu jingħatawlhom żewġ voti.
Dr Fenech Adami qal li l-Kummissjoni Elettorali kienet imħassba sew dwar dak li huwa kompla jiddeskrivi bħala ‘l-kriżi’ tal-Karti tal-Identità doppji u sostna li din qed tikkunsidra tieħu passi legali kontra Identity Malta jekk din tibqa’ tirrifjuta li tikkoopera magħha u tibqa’ ma tgħaddilhiex l-informazzjoni neċessarja. Waqt li rrefera għall-provi li huwa poġġa lbieraħ filgħaxija fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, tenna li l-Ministru Bonniċi kien qed jigdeb dwar dan.
F’reazzjoni, l-Ministru Bonniċi akkuża lil Dr Fenech Adami li kien hu li kien qed jigdeb. Dan hekk kif tenna l-isfida biex jekk l-Oppożizzjoni għandha każi oħra f’idha, tavviċinah bihom u jinvestigawhom flimkien. Sostna li kull ma kienu ppreżentati s’issa kienu biss tliet każi li kienu ssemmew minn The Malta Independent.
Min-naħa tiegħu, Dr Fenech Adami ddeskriva r-reazzjoni ta’ Dr Bonniċi bħala waħda li turi l-kultura li qed idaħħal il-Gvern, dik li kollox jgħaddi.
Il-każ reġa’ tqajjem waqt l-Aġġornament tas-seduta tal-lejla, din id-darba mill-Ministru Bonniċi li akkuża lill-Oppożizzjoni li qed toħloq kriżi minn sempliċiment żbalji. Qal li mit-tliet żbalji li ssemmew s'issa, wieħed jirrigwarda ċittadin barrani li lanqas għandu dritt jivvota u t-tnejn l-oħra kienu każi fejn inħarġet Karta tal-Identità temporanja għaliex ma setax ikun preżentat ċertifikat tat-twelid mill-persuni inkwistjoni, li kienu twieldu barra minn Malta. Meta eventwalment inħarġet il-Karta tal-Identità permanenti, bi żball, ma tħassirtx dik temporanja. Qal li każ minnhom imur lura għall-2007.
Huwa staqsa għalfejn l-Oppożizzjoni qed tirreaġġixxi b’ħafna għajjat, tisbit fuq il-mejda u aggressjoni kif ukoll jekk din kinitx strateġija tal-Oppożizzjoni biex taħbi kriżijiet li laqtu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.