Botta u risposta dwar il-garanziji għall-power station il-ġdida

L-Oppożizzjoni qed titlob lill-Gvern biex jagħti spjegazzjoni għaliex ħass il-ħtieġa li jagħti bi €88 miljun bħala garanzija għas-self lill-konsorzju li se jibni l-power station il-ġdida f’Delimara.
Il-Partit Nazzjonalista qal li din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Ministru għall-Finanzi stess.
Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qalet li fis-sejħa għall-proposti għall-bini tal-power station ma kienx hemm referenzi għal din il-garanzija u għalhekk il-kumpaniji l-oħra li kienu qed jikkompetu ġew żvantaġġati.
L-Oppożizzjoni tistaqsi sensiela ta’ mistoqsijiet fosthom min kien li awtorizza din il-garanzija lill-konsorzju magħżul, xi tkopri din il-faċilità u fuq liema termini u kundizzjonijiet sar il-ftehim.

Reazzjoni Electrogas
Dwar dan, Electrogas Malta qed issostni li ġabbret il-fondi kollha meħtieġa biex tibni l-power station il-ġdida skont l-obbligi tal-kuntratt iffirmat mal-Enemalta.
Jingħad li l-finanzjament jibbaża fuq is-security of supply, fejn il-Gvern se jkollu d-dritt li skont ċertu ċirkostanzi jassigura l-provvista tal-elettriku u l-gass.
Electrogas qalet li dan kien miftiehem fit-tender oriġinali.
L-istqarrija tkompli li l-Gvern daħal f’diskussjoni mal-Kummissjoni Ewropea biex il-ftehim tas-security of supply jkun konformi mar-regolamenti Ewropej.
Electogas u l-Gvern huma kunfidenti li dan kollu jiġi approvat mill-Kummissjoni
 
Reazzjoni Gvern
F’reazzjoni, il-Ministeru għall-Enerġija qal li dawk kollha li kienu interessati fil-proġett ġew infurmati bil-ftehim għas-security of supply.
Intqal li dan il-ftehim kien rekwiżit biex il-banek jiffinanzjaw il-proġett u sakemm il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-ftehim għas-security of supply, il-partijiet qablu li jsibu soluzzjoni temporanja fl-interess nazzjonali.
Il-Ministeru qal li l-garanzija hija temporanja sakemm tasal l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
L-istqarrija ssostni li Electogas Malta intgħażlet wara proċess kompetittiv li se jwassal għal tnaqqis ta’ 50% fl-emissjoni u f’90% inqas ta’ inkwinament tal-ajru.
Dan bi prezzijiet orħos tal-enerġija għall-familji u n-negozju.