Botta u risposta bejn il-PN u l-PL dwar il-finanzjament tal-partiti

Botta u risposta bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar il-liġi tal-Finanzjament tal-Partiti.
Il-Partit Nazzjonalista qal li għall-Prim Ministru Joseph Muscat, huwa biss kompetenti min hu kapaċi jisraq. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-problemi finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista huma konferma ta’ kemm il-PN qatt ma seraq art u bini mingħand il-pubbliku u l-privat, bħall-Partit Laburista.
Spjega li bil-liġi li jrid il-Prim Ministru, il-partiti politiċi mhux se jkunu fuq l-istess livell, għax il-Partit Laburista se jkun qed igawdi minn bini pubbliku u privat li qed jintuża bħala każini tal-istess partit.
Appella biex qabel ma tidħol fis-seħħ il-liġi, il-Partit Laburista jirritorna l-bini kollu lis-sid oriġinali, jiġifieri lill-Gvern jew lill-privat.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Partit Laburista sostna li min hu kompetenti ma jfallix lill-partit tiegħu stess u jippretendi li l-poplu jagħmel tajjeb għad-djun tiegħu. Fi stqarrija, il-PL qal li wara li Gvern Nazzjonalista ħalla liġi tal-Finanzjament tal-Partiti fuq l-ixkaffa, jidher li sal-lum għadu ma jaqbilx magħha.
Spjega li l-unika żewġ ideat li ħareġ bihom il-PN fil-konvenzjoni Idea Malta, kienu li tiżdied il-bolla għall-ħaddiema u min iħaddem, u li tiżdied taxxa oħra biex tiffinanzja lill-Partit tiegħu.