​Botta u risposta bejn il-kumpless Townsquare u l-FAA

L-iżviluppaturi ta’ Townsquare f’Tas Sliema qed jappellaw lill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar l-FAA, sabiex tieqaf twaqqaf minnufiħ il-kampanja kontriha minn din l-għaqda u li ddeskriviet bħala ta’ ingann.
B’risposta għall-istqarrija tal-FAA (ara iktar ‘l isfel), kelliem għal Townsquare sostna li l-kumpless se jkollu iktar minn 7,000 metru kwadru ta’ spazju miftuħ minn medda ta’ 12,000 metru kwadru, u li dan l-ispazju se jkun miftuħ għall-pubbliku. 
Il-kelliem qal li Townsquare diġà tat l-impenn tagħha li se tibqa’ tieħu ħsieb dan l-ispazju pubbliku b’mod indefinit. Fl-istess waqt sostna li ġew sottomessi mal-Awtorità tal-Ippjanar id-dokumenti kollha meħtieġa, u li kienu wkoll aċċessibbli għall-pubbliku fil-perijodu ta’ konsultazzjoni. 
"Spazju pubbliku ma jfissirx toroq u xaftijiet" – FAA
Iktar kmieni, l-FAA appellat lill-iżviluppaturi ta’ Townsquare biex jaderixxu mar-regolamenti dwar il-bini għoli, u biex jipprovdu spazju pubbliku miftuħ li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.
Flimkien għal Ambjent Aħjar sostniet li l-ispazji miftuħa f’dan il-kumpless huma maqsumin fuq diversi sulari, partijiet minnhom se jkunu msaqqfa, oħrajn jikkonsistu f’xaft taħt l-art, u parti oħra tinkludi triq bl-aċċess għall-vetturi. L-għaqda staqsiet jekk it-tfal jistgħux igawdu triq li minnha jgħaddu l-karozzi. 
Temmet tgħid li ma tistax tifhem kif ir-regolamenti dwar bini għoli twarrbu f’dan l-iżvilupp, u minkejja dan, l-istess żvilupp ġie approvat mill-Bord tal-Ippjanar f’Awwissu tal-2016.