Bosta rapporti ta’ serq fl-ibliet Libjani mirbuħa lura mill-Gvern

Read in English.

In-Nazzjonijiet Uniti rċiviet rapporti “numerużi” ta’ serq u distruzzjoni f’żewġ ibliet barra Tripli li reġgħu ttieħdu mill-forzi tal-gvern rikonoxxut internazzjonalment tal-Libja.

Il-Ħamis li għadda, il-forzi tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali (GNA), bl-appoġġ tat-Torok, ħadu lura Tarhouna hekk kif irnexxilhom iwasslu fi tmiemu assedju fuq il-kapitali Tripli mill-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) ta’ Khalifa Haftar. Dan l-assedju kien ilu għaddej 14-il xahar.

Hekk kif l-LNA, li għandha l-appoġġ tal-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda u r-Russja, irtirat, dehru diversi vidjos fuq l-Internet li jidhru numru ta’ persuni jattakkaw, jisirqu u jqabbdu d-djar ta’ familji assoċjati mal-LNA u dawk li kienu jappoġġjawhom.

Il-missjoni tan-N.U. fil-Libja (UNSMIL) qalet li aktar 16,000 kellhom jaħarbu minn djarhom f’Tarhouna u n-Nofsinhar ta’ Tripli.

FI stqarrija l-UNSMIL esprimiet it-tħassib tagħha għal rapporti li nsabtu wkoll numru ta’ iġsma fl-isptar ta’ Tarhouna u talbet lill-GNA biex tinvestiga b’mod imparzjali. “Irċivejna wkoll bosta tapporti ta’ serq u tkissir fuq proprjetà pubblika u privata f’Tarhouna u Alasabaa, li f’xi każijiet jidhru bħala atti ta’ tpattija li għandhom ir-riskju li jkomplu jagħmlu aktar ħsara lit-tessut soċjali tal-Libja.”

Alasabaa hija belt oħra fin-Nofsinhar tal-Libja li ttieħdet lura mill-GNA wara li bidlet l-idejn għal diversi drabi. Tarhouna serviet ta’ bażi li minnha l-LNA organizzat l-offensiva fuq Tripli.

Kelliem għall-Ministru tal-Intern tal-GNA qal lill-aġenzija internazzjonali tal-aħbarijiet Reuters li l-Gvern wissa’ lill-forzi tiegħu li kienu se jittieħdu passi kontra atti ta’ tpattija f’żoni li ntrebħu lura.

Jalel Harchaoui, riċerkatur fil-Clingendael Institute, qal li l-isforzi diplomatiċi li appoġġjaw lill-Gvern ta’ Tripli kienu bbażati fuq l-istennija li l-Gvern jipprovdi s-sigurtà, jimponi l-ordni u jippromwovi ġustizzja b’saħħitha. 

It-Turkija qalet li kienet qed tittama li tespandi l-koperazzjoni mal-GNA bi ftehim fuq l-enerġija u l-kostruzzjoni la dan il-kunflitt jintemm. “Diġà teżisti storja qawwija bejnietna, ta’ toroq, sptarijiet, lukandi u djar. Dawn waqfu ħabba l-gwerra. L-istess jgħodd għall-enerġija”, sostna Ibrahim Kalin, kelliem tal-President, mal-gazzetta Milliyet.