Bosta opportunitajiet fil-mużika għal Bella

Ir-raba’ epiosdju mis-sensiela It-Tmien Nota li se jixxandar illum l-Erbgħa fit-3pm fuq TVM se jeħodna lura xi tliet snin qabel il-kunċert. Issa nsibu li Bella qed tattendi l-lezzjonijiet tal-mużika fil-kant u fil-pjanu. Jidher li qed tagħmel suċċess għax hemm kliem ta’ tifħir għaliha minn kulmin jafha.

Sikwit ikollha xi tgħid ma’ ommha minħabba l-fatt li din tibda tgħidilha li jkun aktar jaqblilha li ssib xi karriera oħra għax mill-kant biss mhux se tgħix. Bella tibda tmur l-università biex tagħmel kors ta’ tabib imma qalbha tkun marbuta mal-mużika. Fl-università tagħmel ħbieb ma’ Leo, żagħżugħ mitfuħ għall-mużika bħalha imma mhux dedikat daqsha. Hu jqis lill-mużika bħala passatemp imma għaliha l-mużika hija ħajjitha. Jibdew jiltaqgħu regolarment.

Omm Bella ssir taf li bintha qed tiltaqa’ regolarment ma’ Leo. Xejn ma tieħu pjaċir u tibda tara kif tagħmel biex tbegħidhom minn xulxin. Ikun għalxejn kliem Bella li hija ma kienx beħsiebha titilqu għax tħobbu u temmen fih. Agnes tibqa’ tgorr magħha u tibda ddejjaqha.

Sadattant Bella tibda tirċievi inviti għall-kant għal diversi okkażjonijiet, fuq it-Tv u waqt kunċerti. L-istilla tagħha tkun tiela’ ‘l fuq imma dik ta’ Leo tibqa’ baxxa. Ma kellux l-istess ħeġġa u mħabba daqsha u jitlobha biex tgħinu jikseb fama billi tibda ssejjaħlu biex idoqq hu wkoll kulfejn ikun hemm hi. Hi hekk tagħmel imma d-differenza fil-klassi artistika tagħhom tibda tidher sew. Minkejja dan, Bella xorta waħda tibqa’ tagħtih l-appoġġ tagħha. U ommha l-ħin kollu tgorr kontrih u kontrieha għax ‘qed taħli ħajjitha fil-mużika’.

Is-sensiela, li oriġinarjament ixxandret fl-2008, għandha kitba ta’ Joseph A Cachia bi produzzjoni ta’ DeeMedia.tv. Jieħdu sehem Ruth Casingena, Analise Psaila, Patrick Vella, Theresa Gauci, Henry Zammit Cordina, Mariella Delmar, Rita Camilleri, Malcolm Galea, Rennie Vella, Renald Formosa, Paul Caruana, Daphne Said, Katrina Bonnici, Stephan Farrugia, Gabriella Borg u Neville Refalo.