Bosta wrew is-sogħba tagħhom għall-aħbar tal-mewt ta’ Emerson Mifsud, żagħżugħ li kien jattendi l-kulleġġ postsekondarju G.F. Abela Junior College.
Iż-żagħżugħ, li hu minn Ħal Tarxien, tilef ħajtu lbieraħ.
Fost dawk li esprimew il-kondoljanzi tagħhom lill-familja Mifsud kien hemm l-għaqda studenteska Pulse, l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Table Tennis, Topspin Table Tennis Academy u anke għalliema ta’ Emerson.
Ilkoll iddeskrivewh bħala żagħżugħ b’qalb kbira, intelliġenti u b’manjieri tajbin. Għalliema tiegħu qalet li anke minn tfulitu kien jidher li se jkollu futur sabiħ. Pulse qalet lil Newsbook.com.mt li jiftakruh bħala żagħżugħ ħabrieki u dejjem bi tbissima fuq wiċċu fi żmien li għamel jistudja l-Junior College.