Boss tal-Mafja jinqabad wara 19-il sena moħbi

Boss famuż tal-Mafja Taljana magħruf bħala “Il-Professur” ġie arrestat f’Londra wara 19-il sena maħrub.

Domenico Rancadore, li llum għandu 64 sena ilu jistaħba mill-1994 u kien il-kap ta’ familja tal-mafja fit-tramuntana ta’ Sqallija.

Wara li ħarab mill-Italja, il-qorti ta’ Sqallija kkundannatu seba’ snin ħabs akkużat li kien involut fi traffikar tad-droga u b’rikatt fost l-oħrajn.

Scotland Yard irnexxielha issib lil Rancadore, li f’Londra kien qed imexxi kumpanija tal-ivvjaġġar.

F’dawn l-aħħar snin, Rancadore kien qed jgħix taħt l-isem ta’ Marco Skinner u ġie arrestat barra daru f’Uxbridge, viċin l-ajruport ta’ Heathrow.

Rancadore, li għandu mara Ingliża u żewġt itfal, ġie mlaqqam minn sħabu l-mafjużi bħala “Il-Professur” għaliex xi darba kien jgħallem l-Edukazzjoni Fiżika.