Borussia Dortmund jakkwistaw lil Haaland

Borussia Dortmund iffirmaw mal-klabb lill-attakkant Erling Braut Haaland minn ma’ Red Bull Salzburg.

Il-plejer internazzjonali Norveġiż li għad għandu 19-il sena ngħaqad mat-tim Ġermaniż f’kuntratt li jorbtu sal-2024. Haaland li hu iben l-eks plejer ta’ Leeds u Manchester City Alf-Inge Haaland, kien mexa għal ma’ Salzburg minn mat-tim Norveġiż Molde f’Jannar li għadda.

Haaland kien irrappurtat li kien fil-mira ta’ Manchester United u Juventus iżda kollox miet fuq fommu.

Hu rnexxielu jiskurja 16-il gowl f’14-il logħba li lagħab fl-aqwa diviżjoni fl-Awstrija dan l-istaġun. Skurja wkoll tmien gowls oħra fl-istadju tal-gruppi fiċ-Champions League.

Jidher issa li Haaland se jingħaqad ma’ Dortmund nhar it-3 ta’ Jannar.