Bormla tirbaħ ir-regatta Youths+ 2015

Bormla reġgħat rebħet ir-regatta Youths+ 2015 li saret fil-Bajja tar-Rinella, il-Kalkara.
Ir-regatta Youths+ ta’ din is-sena kellha għan doppju, dak li tagħti opportunità liż-żgħażagħ sabiex jikkompetu u jitrawmu f’dan l-isport u dak li tgħin lill-Malta Community Chest Fund permezz tal-inizzjattiva Solidarjetà bl-Isport.
Ix-shield intrebħet minn Bormla bi 72 punt u fit-tieni post spiċċaw il-Kalkara u Birżebbuġa b’40 punt. L-Isla spiċċat b’20 punt.
Intant saru wkoll żewġ tlielaq bejn il-membri tal-kumitati bl-għan li jinġabru fondi għall-inizjattiva Solidarjetà bl-Isport.
L-ewwel tellieqa kienet dik tal-Pass b’Qaddief Wieħed li ntrebħet mill-Birgu, segwit mill-Marsa u Marsamxett. It-tellieqa l-oħra kienet dik tal-Pass b’Erba’ Qaddiefa li ntrebħet minn Marsamxett, segwit mill-Birgu u Bormla fit-tielet post.
Il-palji, li din is-sena ngħataw lil kull qaddief rebbieħ, it-trofej u x-shield kienu preżentati mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca u s-Segretarju Parlamenti għall-Isport, Chris Agius.