Bormla m’hemmx post għal aktar żvilupp – PN dwar l-estensjoni tal-AUM

Read in English.

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Bormla oġġezzjona l-estenzjoni tal-kampus tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM). Sostna li m’hemmx post għal aktar żvilupp.

Id-dikjarazzjoni ħarġet permezz ta’ stqarrija fejn il-Kumitat Sezzjonali nnota li t-tliet ibliet huma mogħnija bl-identità tagħhom u l-wirt storiku u arkitettoniku eżistenti jispiċċa jitlef parti minnu.

Aqra: Ir-residenti b’petizzjoni kontra l-estensjoni tal-proġett tal-Università Amerikana

Il-Kumitat qal li ta’ min ifakkar li s-sit fejn kienet ippjanata li sservi bħala Għassa tal-Pulizija f’Bormla, wara li kien tlesta kważi kollox, ittieħdet ukoll mill-AUM. Il-Kumitat appella lill-Gvern u lill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex ma jibqgħux insensittivi lejn ir-residenti tal-Kottonera, speċjalment dawk Bormliżi u biex jiġi ppreservat il-wirt storiku u arkitettoniku.

Intant, fuq il-midja soċjali qed iddur petizzjoni kontra l-estenzjoni tal-Kampus. Din il-petizzjoni bdiet minn grupp ta’ azzjoni ċivili bl-isem ta’ “Azzjoni: Tuna Artna Lura/ Action: Give us Back our Land” u qed jitolbu lil dawk interessati jiffirmaw din il-petizzjoni. Huma spjegaw li matul il-jiem li ġejjin se jkun hemm diversi azzjonijiet oħrajn qabel il-laqgħa tal-Awtorità tal-Ippjanar fis-26 ta’ Settembru.

Aqra: Se jżid il-problema ta’ parkeġġ – il-Kunsill dwar il-proġett propost mill-AUM

F’Awwissu l-Kunsill Lokali tal-Isla ltaqa’ u qabel b’mod unanimu li għandha tintbagħat oġġezzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-proposta li saret mill-Università Amerikana f’Malta għall-bini ta’ parkeġġ fi Triq 31 ta’ Marzu fl-Isla u dormitorju fil-parkeġġ li jinsab fi Triq San Pawl Bormla.

Il-Kunsill insista li r-residenti tal-Isla għandu jkollhom aċċess li jkunu jistgħu jimxu max-xatt tal-Isla u Bormla. Żiedu li 50% tal-parkeġġ biss għandu jkun riservat għall-ħaddiema tal-Università Amerikana. Ikkonkludew li jekk ikun hemm proposta li jiżdied il-parkeġġ, dan għandu jinkludi żieda fil-parkeġġ għar-residenti pro rata.