Filmat: Boris Johnson kiser il-liġi meta ssospenda l-Parlament – Qorti

Read in English.

Il-Qorti l-Għolja fir-Renju Unit ħabbret li d-deċiżjoni ta’ Boris Johnson kiser il-liġi meta waqqaf il-Parlament milli jkompli l-ħidma tiegħu.

Il-President tal-Qorti, Lady Hale qalet li l-effetti li ħalliet din id-deċiżjoni fuq id-demokrazija tal-pajjiż kienu estremi.

Sky News irraporta kif din id-deċiżjoni kienet waħda unanima u ntlaħqet minn 11-il Imħallef. Għaldaqstant, il-Parlament Ingliż għandu jitlaqqa’ mingħajr aktar dewmien. Din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala daqqa ta’ ħarta oħra għal Johnson, li xi jiem ilu “wissa” l-Imħallfin tal-Qorti Suprema biex “ma jbabsux mal-politika”.

Dimostranti li kienu jinsabu miġbura quddiem il-Qorti Suprema bdew jifirħu malli ħareġ il-verdett finali.

Il-Parlament Ingliż ġie uffiċjalment sospiż fl-10 ta’ Settembru għal ħames ġimgħat. Dan ifisser li l-Parlament kien jiftaħ fl-14 ta’ Ottubru. Deċiżjoni li tefgħet id-diskussjoni dwar Brexit f’theddida kbira.

Il-mistoqsija fuq fomm bosta persuni hija jekk Johnson għandux jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu bħala Prim Ministru. Il-mexxej tal-Partit SNP Westminster, Ian Blackford qal li Johnson għandu jirreżenja b’mod immedjat.