Aġġornata (2): Johnson jitlef vot storiku

Il-Prim Ministru Ingliz Boris Johnson

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson u l-Partit Konservattiv tilfu vot storiku t-Tlieta filgħaxija, hekk kif il-House of Commons ivvutat li tieħu f’idejha r-riedni tal-aġenda parlamentari. Din is-soltu tkun responsabbiltà tal-Gvern. Din il-mossa, appoġġjata b’maġġoranza ta’ 27, neħħiet il-kontroll minn idejn Johnson. Il-Membri Parlamentari li huma kontra Brexit mingħajr ftehim, issa għandhom il-possibilità li jressqu abbozz li permezz tiegħu Brexit jittardja iktar.

Protesti quddiem il-Parlament

Waqt id-dibattitu tal-bieraħ dwar l-abbozz li jista’ jwassal għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea bla ftehim, in-nies niżlu fit-triq quddiem il-Parlament Ingliż.

Kemm dawk favur Brexit u dawk kontra, marru quddiem il-Parlament, skont rapporti fil-midja internazzjonali. Iżda jidher li dawk li qed jipprotestaw kontra Brexit huma ikbar minn dawk favur.

Ir-ribelli fil-Partit Konservattiv Ingliż u l-Oppożizzjoni indikaw li jaħsbu li għandhom biżejjed voti biex iwaqfu Brexit bla ftehim. Jekk dan jiġri, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson huwa mistenni jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Biex tissejjaħ elezzjoni bikrija, Johnson ikollu bżonnu s-sapport ta’ żewġ  terzi tal-membri parlamentari.

Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż u l-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn sostna li l-prijorità hi li jwaqfu l-ħruġ tar-Renju Unit bla ftehim. Huwa spjega li jekk dan jiġri, imbgħad għandu jkun hemm estenzjoni. Żied jgħid li jekk tissejjaħ elezzjoni, huwa lest “jiġġieled”.

L-Ispeaker tal-Parlament Ingliż John Bercow se jħalli dibattitu urġenti bejn il-membri parlamentari dwar jekk għandhomx jieħdu l-aġenda parlamentari f’idejhom f’attentat li jwaqqfu Brexit bla ftehim.

Boris Johnson jitlef il-maġġoranza

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson għadu kif tilef il-maġġoranza ta’ wieħed li kellu fil-House of Commons hekk kif Philip Lee, il-membru parlamentari għal Bracknell, irriżenja u ngħaqad mal-LibDems (Liberali). Aktar kmieni, dak li kien Chancellor of the Exchequer taħt il-Prim Ministru preċedenti Theresa May, Philip Hammond, qal li huwa lest jiġġieled ‘il-ġlieda ta’ ħajtu’ biex jibqa’ fil-partit konservattiv Ingliż.

Huwa rrefera għal dak li qal il-PM Johnson aktar kmieni meta kien qal li lest li jkeċċi lil dawk il-membri parlamentari ‘ribelli’ mill-partit. Hammond qal li kollegi tiegħu kienu qed ikunu sottomessi għal pressjoni kbira minn 10 Downing Street, tant li wħud iddeċidew li jitilqu. Hammond qal li hu lest li jiġġieled għad-dritt tiegħu li jibqa jikkontesta fil-partit li fih ilu imsieħeb għal 45 sena.

Hekk kif għaddej id-dibattitu fil-House of Commons, jidher li dawk il-madwar 15-il membru parlamentari li qed jitqiesu bħala ribelli, aktarx jingħaqdu mal-Partit Laburista biex aktar tard illejla, jippreżentaw abboz ta’ liġi mfassal biex iwaqqaf Brexit mingħajr ftehim. Jekk dan iseħħ, Johnson qal li lest li jsejjaħ elezzjoni fl-14 ta’ Ottubru. Il-mexxej laburista Jeremy Corbyn qal li l-partit Laburista lest għal elezzjoni, iżda anke Corbyn ma għandux partit magħqud warajh. Il-problema tal-partit Laburista issa hi li jekk ma jaċċettax li jmur għal elezzjoni ikun jidher qisu qed jammetti li mhux kapaċi jiggverna.

Skont kif ġiet emendata il-liġi elettorali fl-2011, irid ikun hemm żewġ terzi tal-parlament Ingliż li japprovaw li l-pajjiż imur għal elezzjoni bikrija.

Aqra: Johnson jikkunsidra elezzjoni ġenerali bikrija biex jisforza Brexit