Boris Johnson f’iżolament wara kuntatt ma’ MP li kellu l-coronavirus

UK Parliament

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson jinsab f’iżolament wara li Membru Parlamentari li kellu laqgħa miegħu nstab li kellu l-coronavirus. Il-Prim Ministru qal li kien infurmat mis-sistema tat-Test and Trace tal-NHS li jrid jiżola lilu nnifsu wara li kien f’kuntatt ma’ persuna li rriżultat pożittiva.

Fi tweet, Johnson qal: “M’għandi ebda sintomu, iżda qed insegwi r-regoli u se nkun qed naħdem minn No 10. Se nkompli mmexxi r-rispons tal-Gvern għall-pandemija.”

Il-Ħamis li għadda, Johnson kellu laqgħa ta’ madwar 35 minuta ma’ numru ta’ Membri Parlamentari, fosthom Lee Anderson. Dan tal-aħħar, li għandu 53 sena, aktar tard żviluppa sintomi tal-Covid-19 u ttestja pożittiv.

L-MP ta’ Ashfield u Eastwood, fit-Tramuntana ta’ Nottingham, tella’ ritratt tiegħu fuq Facebook bilwiefqa ftit ‘il bogħod minn Johnson wara l-laqgħa tal-Ħamis.

It-tnejn li huma ma kinux libsin maskri.