Borg u Cassola ma jaqblux dwar il-pensjoni tal-MPs

L-eks-Kummissarju Ewropew Tonio Borg u l-eks-Ċermen ta’ Alternattiva Demokratika Arnold Cassola ma qablux dwar il-pensjoni tal-Membri Parlamentari.
Tonio Borg qal li “m’għandniex nippretendu li l-politika ssir b’xejn” filwaqt li skont il-Professur Arnold Cassola, iż-żieda fil-pensjonijiet tal-Membri Parlamentari hija “ħniżrija kbira”.
Waqt il-programm Newsline li jixxandar kull nhar ta' Sibt fuq RTK, Borg spjega li l-Membri Parlamentari Maltin huma fost l-inqas imħallsa fl-Ewropa.

Kompla jgħid li minħabba li kien hemm kontroversja fuq iż-żieda tal-paga tad-deputati, il-Gvern qed ikun kostrett li jagħti aktar flus lid-deputati tiegħu billi jofrilhom xogħlijiet oħra mal-Gvern biex jitħallsu aktar.
Min-naħa l-oħra, Arnold Cassola qabbel il-pensjonijiet li ħaddu d-deputati mal-kuntest tal-faqar f’Malta. Semma wkoll każijiet ta’ familji li jaqilgħu pensjoni ta’ €500 jew €600 fix-xahar. Kien hawn li sellem lill-attivist dwar il-faqar f’Malta Charles Miceli li miet iktar kmieni din il-ġimgħa.
Ikompli jgħid li ż-żieda fil-pensjoni li taw lilhom infushom il-parlamentari kollha hija “tal-mistħija”. Kien sorpriż ukoll li anki l-membri parlamentari żgħar li “ilhom biss sitt xhur fil-Parlament qed jaħdmu biex jagħtu lilhom infushom pensjoni” wara l-ewwel leġislatura.
Waħħal fil-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni għall-mentalità materjalista. Cassola spjega li min-naħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat “qed imexxi f’isem l-iżviluppaturi” u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia “huwa żviluppatur huwa nnifsu”.
Qal li l-unika soluzzjoni għall-anomalija fil-pensjoni hi dik li l-Membri Parlamentari jsiru full-time u hekk jibdew jitħallsu b’mod adekwat meta jkollhom il-Parlament bħala l-unika xogħol tagħhom.