Borg u Caruana jressqu mozzjoni fil-Parlament dwar il-mina; min jaqbel, min le

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ressqu mozzjoni fil-Parlament dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, li fiha spjegaw il-proċess għal dan il-proġett s’issa, u ħeġġew lill-Gvern jibqa’ għaddej bit-tħejjijiet neċessarji. Il-Front Favur il-Mina laqa’ din il-mozzjoni b’sodisfazzjon, filwaqt li l-Partit Demokratiku qal li hu mħasseb b’dan, u appoġġja l-protest ġudizzjarju ta’ 12-il NGO sabiex l-istudji li saru jiġu ppubblikati.

Protest ġudizzjarju mill-NGOs għall-pubblikazzjoni tal-istudji dwar il-mina

Il-Ministri tennew li permezz ta’ din il-konnessjoni, se jingħata servizz ta’ trasport pubbliku b’xejn, liema stqarrija Front Favur il-Mina wriet sodisfazzjon kbir dwarha. Il-Ministri qalu wkoll li fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, għandhom jitħarsu l-ġmiel naturali, l-identità kulturali u ambjentali t’Għawdex. Din il-mozzjoni kienet maħsuba biex tikseb l-appoġġ tal-Parlament kollu.

Il-Front appella lill-Membri Parlamentari kollha sabiex jagħtu s-sapport tagħhom għal din il-mozzjoni peress li skontu, ilkoll għandhom mandat biex jagħmlu dan minħabba li l-proġett kien fil-manifesti elettorali li bih il-membri parlamentari kollha ġew eletti.

Il-Partit Demokratiku qal li jinsab imħasseb ħafna li l-Gvern ħa d-deċiżjoni mingħajr ma saret evalwazzjoni sura tal-implikazzjonijiet ambjentali u finanzjarji. Martin Cauchi Inglott, is-Segretarju Ġenerali tal-partit, qal li l-PD jinsisti li ma tittieħed l-ebda deċiżjoni finali sakemm l-istudji finanzjarji u ambjentali kollha jitlestew.
“Nilqgħu b’sodisfazzjon il-mozzjoni” – Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ għal Għawdex laqgħet b’sodisfazzjon il-mozzjoni dwar il-proġett tal-mina li ġiet ippreżentata fil-Parlament. Qalet li l-mozzjoni tagħraf li dan il-proġett kien inkluż fil-manifest elettorali taż-żewġ partiti u b’hekk hemm mandat ċar biex dan il-proġett jitwettaq filwaqt li jiġu mħarsa r-regoli kollha tal-ippjanar u l-ambjent. Il-Kamra temmet tgħid li dan il-proġett mhux se jibbenefika biss lill-Għawdxin, imma lill-poplu kollu li se jgawdi mill-iżvilupp li l-proġett se jġib miegħu.