Borg igiddeb Transport Malta fuq il-fast ferry – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg li qiegħed jipprova jqarraq bin-nies – speċjalment bl-Għawdxin – meta nsista li mhux se jkun ippjanat servizz ta’ hop-on hop-off imma wieħed dirett għal Għawdex minflok il-fast ferry li kienet imwiegħda.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kelliem tal-partit għat-trasport Toni Bezzina u t-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin – Frederick Azzopardi, Kevin Cutajar u Chris Said – ħarġu stqarrija fejn insistew li t-tibdil fil-pjanijiet tal-gvern kien qed jixhed nuqqas ta’ trasparenza.

Però f’kumment fuq Facebook, Borg staqsa lil Bezzina jispeċifika fejn ra il-hop-on hop-off, u nsista li s-servizz se jkun dirett. Il-ministru ddeskriva dak li qalu l-MPs Nazzjonalisti bħala “fake news.”

Jista’ l-Onorevoli Perit Toni Bezzina jgħidli fejn rah il-hop-on hop-off ? Jew qas qrajtu d-dokument ?Serraħ rasek Ton u tħawwadx l-Għawdxin, is-servizz jista’ ikun dirett! #NoHopping 🤦🏽‍♂️ #FakeNews

Posted by Ian Borg on Wednesday, August 26, 2020

F’risposta għal Borg, l-erba’ deputati qalu li l-ministru qed igiddeb entita’ mmexxija minnu stess – Transport Malta – fuq il-kwistjoni tal-fast ferry, li fakkru kienet imwiegħda fil-manifesti elettorali tal-Partit Laburista tal-2013 u tal-2017.

Huma kkwotaw il-concession document li Transport Malta ħarġet fl-14 ta’ Lulju, fejn jingħad li “r-rotot proposti għandhom jipprovtu network interkonness tat-trasport pubbliku sempliċi u stabbli.” Ifakkru wkoll li skont id-dokument, dawn ir-rotot għandhom jinkludu mill-anqas waqfiet f’Marsaxlokk, f’Ta’ Xbiex, f’San Ġiljan, f’San Pawl il-Baħar, fil-Belt u f’Għawdex.

“Għaldaqstant, Ian Borg qiegħed jipprova jqarraq bin-nies meta fuq il-mezzi soċjali qal li mhux vera hemm ippjanat servizz ta’ hop-on hop-off u li s-servizz se jkun dirett għal Għawdex. Fi kliem ieħor, qed jgiddeb entità li taqa’ taħt ir-responsabbilità tiegħu stess sabiex jipprova jgħatti xturu; jgħatti l-fatt li mhux se jżommu mal-wegħda li għamlu lil Għawdxin għal servizz ta’ fast ferry dirett minn u lejn Għawdex,” l-erba’ deputati insistew.