​“Borġ ġebel fil-kampanja qatt ma jiġġustifika binja ta’ żewġ sulari”

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent saqħet li borġ ġebel fil-kampanja qatt ma għandu jiġġustifika li titla’ binja ta’ żewġ sulari.
Sostniet li dan imur kontra l-kunċett ta’ “ippjanar responsabbli” li ironikament huwa s-suġġett ta’ konferenza mnedija mill-MEPA biex tfakkar il-Jum Dinji għall-Ippjanar Urban.

Fl-istess waqt il-Kummissjoni Ambjent appellat lill-Membri Parlamentari biex iwarrbu kull motivazzjoni partiġġana, u jqisu bis-serjetà l-implikazzjonijiet tal-abbozzi ta’ liġi dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-Ħarsien tal-Ambjent. 
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Ippjanar fl-Ibliet li jitfakkar għada l-Ħadd, il-Kummissjoni qalet li l-gżejjer Maltin għandhom x’jitilfu b’sistema dgħajfa ta’ ppjanar.
Qalet li dan qed jiġi ikkawżat minn proċeduri u prassi li minflok iħarsu l-ġid komuni, jissodisfaw l-interessi tal-ftit.
Tkompli tgħid li l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) li issa ħa post il-Pjan ta’ Struttura se jiffaċilita l-bini fuq art barra ż-żoni tal-iżvilupp. 
Il-Kummissjoni Ambjent tisħaq dwar it-trasparenza, l-istudju bir-reqqa u l-konsultazzjoni pubblika fl-ippjanar. Għalhekk tgħid li għaliha mhux aċċettabbli li proġetti relatati ma’ sptarijiet tal-Gvern ikunu eżentati mill-obbligu li jsir Environmental Impact Assesment jew milli jgħaddu mill-proċess ta’ applikazzjoni għall-permess biex isir l-iżvilupp.
Tiddeskrivi wkoll bħala “inaċċettabbli” l-proposta li t-terminu “għal raġunijiet edukattivi” jiġi mġebbed b’mod abbużiv biex jiġġustifika proġetti kummerċjali. Issemmi kif korsa tat-tlielaq mhix indispensabbli għall-edukazzjoni. Bl-istess mod, ma għandhomx jintużaw raġunijiet marbuta mas-saħħa jew mal-edukazzjoni, biex l-art tintuża b’mod irresponsabbli.
Kull awtorità tal-ippjanar li hija denja ta’ isimha, tgħid il-Kummissjoni, għandha tħares l-ispazju limitat ta’ gżira b’densità għolja ta’ popolazzjoni. Biex dan isir, ittemm tgħid li l-Gvern irid joħloq qafas serju flimkien ma’ proċess responsabbli u rigoruż ta’ ppjanar li tassew iħares il-ġid komuni.