Bordijiet: Tal-Gozo Channel jitħallsu 4 darbiet aktar minn tal-Ministeru

Il-membri tal-Bord tal-Gozo Channel jitħallsu erba’ darbiet aktar minn membri oħra f’kull Bord tal-Għażla fil-Ministeru għal Għawdex.
Il-membri f'kull Bord tal-Għażla fil-Ministeru jitħallsu €14.50 fis-siegħa filwaqt li l-membri tal-bord tal-Gozo Channel jitħallsu €60 fis-siegħa.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ppreżentat dawn il-figuri fil-Parlament meta kienet qed twieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said.
Fil-Parlament, il-Ministru Caruana spjegat li kull bord, apparti ċ-Ċermen, ikollu żewġ membri li jkunu uffiċjali pubbliċi rtirati li sad- 9 ta’ Lulju li għadda kienu jitħallsu €10.00 kull siegħa, filwaqt li mill-10 ta’ Lulju ’l quddiem bdew jitħallsu bir-rata ta’ €14.50 kull siegħa. Spjegat ukoll li ċ-Ċermen ikun uffiċjal pubbliku u għalhekk ma jitħallasx.
Min-naħa l-oħra, ir-rati tal-Gozo Channel huma differenti. Iċ-Chairman tal-Bord jitħallas €70.00 kull siegħa filwaqt li l-membri jitħallsu €60.00 kull siegħa li jfisser erba’ darbiet aktar minn membri oħra f’bordijiet tal-Ministeru.
Dwar dan Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għal Għawdex jispjega għalfejn il-membri tal-Bord tal-Gozo Channel jitħallsu aktar.