Ministru jordna li jintemm il-kuntratt ta’ €60,000 li ngħata eks-spettur li ġie boarded out

Spettur tal-Pulizija li kien boarded out mill-Korp tal-Pulizija għal raġunijiet mediċi, ingħata impjieg mas-sezzjoni tal-awditjar tal-Enemalta b’salarju ta’ madwar €60,000.
Wara li l-każ issemma fil-Parlament, il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi ta struzzjonijiet biex jintemmlu l-kuntratt mal-Enemalta.
Kien id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li fil-Kamra tar-Rappreżentanti aktar kmieni semma l-każ tal-kuntratt mal-Enemalta tal-eksspettur tal-Pulizija.
Azzopardi semma l-każ f'referenza għad-diskussjoni li seħħet fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda, fi tweġiba Parlamentari ħareġ li l-ispettur inkwestjoni kien ġie boarded out f’dak li ġie deskritt fil-parlament bħala perijodu rekord ta’ erbat ijiem.
Il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela sostna li huwa ma kienx jaf lil dan l-ispettur.
Qal ukoll li f’affidavit, il-kordinatur tal-bordijiet mediċi fisser li ma kien hemm l-ebda favoritiżmu, iżda sempliċiment il-każ ġie sottomess ftit jiem qabel il-laqgħa tal-bord, u fil-ġurnata inzerta li l-bord kellu quddiemu anqas mill-15-il każ li soltu jkollu quddiemu.
Dan fisser li t-talba tal-ispettur ġiet meqjusa u deċiża f’dik il-laqgħa stess.