Bord tal-litteriżmu tal-media minħabba aħbarijiet foloz

Il-Ministru Carmelo Abela ħabbar li se jinħatar bord tal-litteriżmu tal-media. L-għan tal-bord huwa biex isaħħaħ il-ħiliet u l-għarfien taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jużaw il-media b’mod aktar effettiv u ħieles mill-perikli.

Hu qal hekk waqt li kien qed jindirizza seminar online dwar kif ikun hemm tgħallim għat-tfal biex jirrikonoxxu jekk aħbar partikolari hix reali jew falza.

Il-Ministru, li hu responsabbli għax-xandir nazzjonali, appella lill-istudenti u lill-ġurnalisti biex jeliminaw b’mod attiv l-aħbarijiet foloz. Irrimarka li dan hu ta’ importanza partikolari fi żmien meta aktar minn 4 biljun ruħ jużaw il-media soċjali. Qal li dan għax sfortunatament, ħafna għandhom it-tendenza li ma jħarsux lejn is-sors ta’ storja biex jivverifikaw il-verità tagħha.

Semma riċerka tal-2020, ‘EU Kids Online’, koordinata mill-Università ta’ Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Tech.mt u mal-konsorzju BeSmartOnline! li rrappurtat li tfal Maltin ta’ bejn id-9 u s-16-il sena jqattgħu aktar minn tliet sigħat kuljum online. B’kampjun rappreżentattiv ta’ 1,234 tifel u tifla Maltin ta’ bejn id-9 u s-16-il sena, ir-rapport jissottolinja wkoll li 17% tal-parteċipanti jużaw sorsi online biex ifittxu l-aħbarijiet.