Bord ta’ esperti se jgħinu NGOs dwar housing speċjalizzat

Twaqqaf bord ta’ esperti li se jkun qed jipprovdi appoġġ għall-NGOs lokali li joffru housing speċjalizzat b’xejn.

Fi stqarrija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li dan qed isir biex proġetti ta’ housing speċjalizzati ikkordinati minn NGOs li jipprovdu servizz mingħajr profitt jiġu appoġġjati bi gwidi ċari ta’ best practices, u għajnuniet oħra, fosthom għotjiet finanzjarji jew allokazzjonijiet ta’ spazji adegwati. Dan se jsir skont il-prijoritajiet li se jiġu stabbiliti mill-membri ta’ dan il-bord.

Bħalissa diġà jeżistu inizjattivi ta’ housing speċjalizzat favur membri vulnerabbli tas-soċjetà fosthom għal nies bi sfidi ta’ saħħa mentali, nies li ħarġu minn faċilitajiet korrettivi, u nies fi bżonn ta’ sheltered housing fost oħrajn.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li “ċertu problemi ma jissolvux billi tagħti post u tagħlaq il-bieb.” Sostna li l-housing qed tingħata attenzjoni ħolistika u b’dawn il-programmi jiġu indirizzat sfidi soċjali li jkollhom bżonn għajnuna speċjalizzata.

Il-bord ta’ esperti se jkun immexxi minn Rachael Scicluna, u se jiltaqa’ għall-ewwel darba aktar tard din il-ġimgħa.