Bord ‘indipendenti’ tal-pulizija ma kienx indipendenti – Qorti Ewropea

Bord ‘indipendenti’ tal-Pulizija li sab uffiċjal ħatja ta’ diversi akkużi ma kienx tassew indipendenti skont il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani.

L-eks pulizija Grace Gatt ta’  51 sena min-Naxxar fetħet il-każ kontra Malta fil-Qorti Ewropea f’Awwissu tal-2016.

Gatt daħlet fil-Korp f’Ġunju tal-1990. It-tifel tagħha marad u bdiet tiġbor fondi għalih mingħajr permess. Fi Frar tal-1999 ġiet sospiża.

Tressqet il-Qorti fl-2006 akkużata bi frodi u ġbir ta’ flus mingħar l-awtorizzazzjoni neċessarja. Instabet ħatja tat-tieni akkuża u spiċċat fuq probation.

Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha bdiet taħdem bħala investigatur privat. Dan għamlitu mingħajr permess mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru. Lanqas talbet permess biex tkun tista’ ssiefer.

Ġiet arrestata peress li kienet qed tagħmel dan ix-xogħol mingħajr liċenzja. Ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha. L-appell tagħha ġie miċħud f’Settembru tal-2007.

Intant kienu bdew proċeduri dixxiplinarji kontriha. Il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qalilha li kien se jinħatar bord intern tal-Pulizija (Internal Board of the Police) biex jeżamina l-akkużi miġjuba kontriha.

Gatt ilmentat li l-membri tal-bord ma setgħux ikunu imparzjali għaliex il-kummissarju kien il-kap tagħhom. Minkejja dan, il-bord xorta nħatar. Il-bord sema’ l-każ u sab lil Gatt ħatja.

Ir-rapport tal-bord intbagħat għand il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku (PSC). Din il-kummissjoni rrakkomandat lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi biex ikeċċi lil Gatt. Fl-2006 Gonzi approva t-tkeċċija tagħha.

Aktar tard, Gatt talbet biex il-każ tagħha jerġa’ jinstema imma l-PSC ċaħdet din it-talba. Wara, marret il-Qorti biex tfittex il-ġustizzja.

Fl-2015, il-Qorti Ċivili ċaħdet it-talbiet kollha tagħha. L-appell tagħha ġie miċħud ukoll.

Gatt qalet lill-Qorti Ewropea li l-Bord li kien saba ħatja ma kienx indipendenti u li l-Kummissarju tal-Pulizija kien poġġa pressjoni fuq il-PSC.

Il-Qorti Ewropea qalet li jidher li l-uffiċċjali tal-pulizija li kienu fuq il-bord ma kellhomx taħriġ legali. Instab li meta tqajmu kwsitjonijiet legali minn Gatt, dawn intbagħtu lil avukat ieħor. Id-deċiżjonijiet tal-Bord biex jiċħdu l-argumenti legali ta’ Gatt kienu bbażati fuq l-opinjoni ta’ dak l-avukat.

Il-Qorti Ewropea qalet ukoll li l-membri tal-bord kienu kollha taħt il-grad tal-kummissarju. Għalhekk kienu taħt il-kmand tiegħu. Il-Qorti qalet li d-dubju ta’ Gatt dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-bord kien ġustifikat.

Gatt riedet li tingħata €445,529 f’danni u €13,058.81 fi spejjeż tal-qrati. Il-Qorti Ewropea ordnat li għandha tingħata €15,000 għad-danni u €10,000 għall-ispejjeż.

Gatt kienet rappreżentata mill-avukat J. Brincat. Il-Gvern ta’ Malta kien rappreżentat mill-Avukat Ġenerali Peter Grech.