Bord ġdid għall-Istitut Discern

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar bord ġdid għall-Istitut Discern li se jkun immexxi minn Dr Sue Vella.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li l-Arċisqof ħatar ukoll lil John Caruana, Dr Nadia Delicata, Jean Paul Fabri, Prof. Mary Anne Lauri, Michael Pace Ross u Prof. Edward Warrington bħala membri tal-Bord.

Discern huwa l-istitut tal-Knisja għar-Riċerka tas-Sinjali taż-Żminijiet.

Skont l-Arċidjoċesi, Dr Vella hija senior lecturer fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u membru fid-Dipartiment tal-Politika Soċjali u Ħidma Soċjali tal-Università ta’ Malta. Hija wkoll membru fuq bord ta’ NGO u ta’ kumpanija privata. Qabel bdiet taħdem l-Università
bħala lettur, serviet f’diversi karigi għolja mas-settur pubbliku u tat kontribut f’diversi kumitati fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Mons. Scicluna rringrazzja lil Fr Joe Inguanez għas-servizz li ta tul is-snin fit-tmexxija tad-Discern, kif ukoll lill-membri tal-bord preċedenti.

L-Arċidjoċesi spjegat li Discern twaqqaf fl-1993 bħala istitut Djoċesan biex jgħin lill-Knisja f’Malta teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Evanġelju. Dan bl-għan li jkun ta’ servizz lill-Knisja fil-ħidma pastorali li twettaq fis-soċjetà