Bord ġdid għal Beacon Media Group

L-azzjonisti f’Beacon Media Group ħabbru l-bord il-ġdid tad-diretturi kif ukoll bord editorjali ġdid. Il-grupp jgħaqqad flimkien l-entitajiet kollha tal-midja, RTK, Newsbook u Media Centre.

Immexxi minn Dr Gege Gatt, il-bord il-ġdid tad-diretturi qed iġib flimkien nies b’firxa ta’ esperjenzi fosthom mix-xandir, mill-komunikazzjoni diġitali, tmexxija ta’ kumpaniji u t-teoloġija. Il-membri huma Fr. Joe Borg, Dr Franco Curmi, Mr David Brockdorff, Ms Maria Bugeja u Fr Eddie Zammit. Dr Michael Zammit Maempel huwa s-Segretarju tal-Bord.

Waqt li appunta dawn il-membri, l-Arċisqof Charles Scicluna nnota li l-Knsija trid tagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-poplu biex jiddefendi u jirrifletti t-tamiet, l-aspirazzjonijiet u l-bżonnijiet filwaqt li jipprovdi spazju fejn kulħadd jista’ jesprimi l-oppinjonijiet tiegħu b’mod ħieles u fi klima ta’ rispett komuni. It-teknoloġija diġitali toffri wkoll opportunità perfetta għal komunikazzjoni diċentralizzata u parteċipattiva u l-Bord il-ġdid għandu f’idejh mandat biex ikompli jkabbar u jtejjeb dawn il-mezzi tax-xandir.

Beacon Media Group beda mixja ta’ trasformazzjoni li fiha l-qarrejja u s-semmiegħa tpoġġew fiċ-ċentru tal-attività kummerċjali. “Flimkien, aħna se mmexxu l-grupp biex ikollu impatt aktar sod fuq l-aktar sfidi importanti li qed taffaċċja s-soċjetà tagħna. Aħna se nkunu qed imexxu billi nagħtu iktar attenzjoni lill-aspett diġitali biex nilħqu lill-udjenzi tagħna. Il-pubbliku Malti jħobb dak li qed nagħmlu iżda s-suċċess mhux privileġġ, iżda xi ħaġa li rridu naħdmu għalih kuljum”, qal Dr Gatt.

Ġie mħabbar ukoll bord editorjali ġdid biex jagħmel monitoraġġ fuq il-kontenut. Fr Joe Borg se jkun iċ-Ċermen tal-bord editorjali, filwaqt li l-Professur Maryanne Lauri u Mrs Francesca Balzan ġew appuntati membri. “Qed nimmiraw biex ikollna kontenut relevanti għall-ħajjet in-nies li jsegwuwna fl-istess waqt li nużaw tipi differenti ta’ mezzi tax-xandir li għandna biex imexxu l-valuri u t–tagħlim Nisrani”, qal Fr Joe Borg.

Tista’ taqra l-artiklu bl-Ingliż hawnhekk.