Bono tal-U2 jgħid li l-Papa hu sinċier dwar il-kriżi tal-abbużi

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ mal-mexxej tal-U2 Bono fil-Vatikan aktar kmieni dan ix-xahar

F’laqgħa privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan il-ġimgħa li għaddiet, il-kantant Irlandiż Paul David Hewson, magħruf aħjar bħala Bono tar-rock band U2, il-kantant qal li l-Papa Franġisku mhux biss hu bniedem kreattiv fis-soluzzjonijiet tiegħu għall-faqar imma sabu wkoll sinċerament milqut mill-kriżi tal-abbużi klerikali li qed ikissru l-Knisja u l-Pontifikat tiegħu.

Bono qal li fil-laqgħa li damet nofs siegħa, is-suġġett tal-abbużi sesswali tqajjem inevitabilment.

“Jien għedtlu li xi nies qed iħossu li dawk li abbużaw qed jingħataw protezzjoni aktar mill-vittmi. Stajt nara t-tbatija fuq wiċċu. Ħassejt li kien sinċier u nħoss li dan hu bniedem straordinarju għal żminijiet straordinarji”, qal Bono.

Bono ltaqa’ mal-Papa fir-residenza tiegħu f’Santa Marta fil-Vatikan, b’appoġġ għall-Fondazzjoni Scholas Occurentes, organizzazzjoni li għandha l-appoġġ tal-Papa Franġisku u li taħdem biex toħloq xibka ta’ skejjel madwar id-dinja u sal-lum nediet diversi inizjattivi edukattivi b’enfasi qawwija fuq l-użu tat-teknoloġija u l-isport.

Bono tkellem mal-Papa fil-kariga tiegħu ta’ kofundatur tal-organizzazzjoni ONE li taħdem ma’ gvernijiet bl-iskop li dawn jibdlu l-politika tagħhom favur l-edukazzjoni u jkun eradikat il-faqar. Bono ilu ħafna involut f’ħidma kontra l-faqar. Wara li fl-1999 kien iltaqa’ mal-Papa San Ġwanni Pawlu II kien ħareġ ir-ritratt famuż tal-Papa Pollakk liebes in-nuċċali tax-xemx li l-kantant jilbes kull fejn imur.

Dik il-laqgħa ma’ Ġwanni Pawlu II kienet saret lejlet it-tnedija tal-Ġublew il-Kbir tal-2000 u fiha kienet imnedija l-kampanja “Drop the Debt” li nkoraġġiet lil pajjiżi kbar jaħfru d-dejn lill-pajjiżi foqra. Dik il-kampanja kienet wasslet biex 23 pajjiż fqir kien inħafrilhom id-dejn kollu li kellhom.

Fil-laqgħa mal-Papa Franġisku kien iffirmat ftehim bejn il-Fondazzjoni Scholas u l-Organizzazzjoni ONE. Din tal-aħħar għandha madwar 10 miljun membru madwar id-dinja, li 3 miljuni minnhom huma fl-Afrika fejn 130 miljun tifla ma jistgħux imorru skola sempliċement għax huma bniet.

“Ma ddeċidejniex x’se nagħmlu flimkien imma aħna għandna ġibda kbira lejn xulxin u żgur nagħmlu xi ħaġa. Il-Papa hu ħassieb radikali u meta kont ħdejh ħassejtni bħal wieħed antikwat”, qal il-kantant.