Bonnici ma jispjegax għala “aktar faċli bl-Imħallef Mizzi”

Paul Caruana Galizia qal li Bonnici qal hekk waqt laqgħa mal-familja Caruana Galizia

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li se jirrispetta l-kunfidenzjalità li dwaru kien hemm qbil mal-familja Caruana Galizia waqt laqgħat dwar l-inkjesta pubblika. Ma qalx għalfejn kien jippreferi lill-Imħallef Mizzi għall-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja ma qalx lil Newsbook.com.mt għalfejn Bonnici kien jippreferi li jkun l-Imħallef Antonio Mizzi li jmexxi l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju.

Newsbook.com.mt staqsa lil Bonnici x’ried ifisser b’dak li qal lill-familja Caruana Galizia waqt il-laqgħa.

Il-laqgħa saret ġurnata wara t-tieni anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Paul Caruana Galizia jiftakar li Bonnici qal lill-familja li jekk jaċċettaw lill-Imħallef Antonio Mizzi jkunu qed jagħmlulu ħajtu aktar faċli. Dan il-kliem intqal quddiem l-avukata tal-familja Therese Comodini Cachia.

Newsbook.com.mt staqsieh ukoll jekk għandux xi membri tal-ġudikatura li jippreferihom minn oħrajn.

Kelliem għall-Ministeru qal li l-Ministru Owen Bonnici għandu fiduċja fil-membri kollha tal-Ġudikatura.

“Il-Gvern u l-familja Caruana Galizia ltaqgħu u kkommunikaw diversi drabi bil-għan li jintlaħaq qbil fuq il-kompożizzjoni tal-Bord ta’ Inkjesta u t-termini ta’ referenza. Fil-bidu tat-taħditiet ingħata commitment li ż-żewġ naħat se jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta’ dawn it-taħditiet u l-Ministru Bonnici hekk beħsiebu jibqa’ jagħmel.”

“Irid jiġi preċiżat li matul it-taħditiet issemmew diversi ismijiet ta’ ex Ġudikanti u, fi stadju ulterjuri, anke ta’ Ġudikanti sedenti bil-għan li jintlaħaq qbil fuq ismijiet li jkunu aċċettabbli għaż-żewġ naħat.”

Il-kelliem temm jgħid li “l-uniku għan tal-Ministru Bonnici matul it-taħditiet kien li jara li jintlaħaq qbil fuq il-kompozizzjoni tal-Bord u fuq it-test tat-termini ta’ referenza u fil-fatt hekk ġara.”

Ilbieraħ xhedu t-tfal ta’ Daphne Caruana Galizia fost oħrajn.