Bonnici jordna li jinħatar Sindku mill-PN f’San Pawl il-Baħar

Il-post ta’ sindku f’San Pawl il-Baħar se jimtela mill-persuna li ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-sindku li waqfet mill-kariga, skont l-ordnijiet li ħarġu mill-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici. 
Il-Ministru għamel użu mis-setgħat mogħtija lilu taħt l-Att dwar il-Kunsilli Lokali, u abbażi ta’ dak deċiż mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.
Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru ntqal li dan sar minħabba li l-Gvern jinsab preokkupat fuq il-fatt li s-sitwazzjoni li nħolqot fil-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar qed ikollha impatt fuq il-ħaddiema, kif ukoll fuq il-funzjonijiet tal-kunsill fil-lokalità.
Il-Ministeru saħaq li hemm bżonn tissejjaħ laqgħa urġenti tal-kunsill lokali sabiex jiġu eletti sindku u viċi sindku skont id-direzzjoni mill-Ministru Bonnici, u nsista li jittieħdu l-passi kollha amministrattivi sabiex il-funzjonijiet tal-kunsill lokali jkunu qed jinqdew.
Il-Ministeru appella wkoll lill-Oppożizzjoni sabiex iġġib l-interess tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar l-ewwel u qabel kull konsiderazzjoni oħra.
“Lesti li nersqu mal-mejda sabiex jingħalaq dan il-każ” – PN
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista laqgħa b’sodisfazzjon l-istqarrija tal-Ministru, saħaq li issa huwa f’pożizzjoni li jersaq mal-mejda sabiex dan il-każ jingħalaq darba għal dejjem.
Fi stqarrija l-PN insista li l-Qorti qalet b’mod ċar li s-Sindku u l-Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar għandhom ikunu magħżula skont ir-rieda tal-maġġoranza tar-residenti ta' San Pawl il-Baħar kif  kien ġie espress fl-elezzjoni lokali tal-2015.
Hu qal ukoll li l-PN ilu xahrejn jissielet sabiex ma jħallix lill-Kunsilliera tal-Partit Laburista jieħdu l-Kunsill f’idejhom, fejn aktar kmieni dan ix-xahar kien hemm mandat imressaq mis-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli fuq il-każ.
Fi stqarrija separata, il-PN spjega li l-kawża li kien fetaħ il-Qorti, fetaħha sabiex jiddefendi l-interessi tar-residenti fil-lokalità ta' San il-Pawl il-Baħar. 
Il-PN tkellem dwar kif il-Qorti semgħet it-talba tal-partit li saret fis-6 ta’ Frar, u mmedjatament ordnat lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll lid-Direttur tal-Gvern Lokali sabiex iwaqqfu l-elezzjoni tas-sindku bil-mod propost mill-PL.
Fi stqarrija oħra, il-PN qal li huwa tort tal-Gvern li ma ngħatawx il-pagi dovuti lill-ħaddiema tal-kunsill u nsista li min-naħa tagħhom, il-kunsillieri tal-PN bagħtu numru ta’ imejls lill-Aġent Deputat Segretarju Eżekuttiv, li skonthom ġew injorati għal numru ta’ jiem, sakemm ingħataw ir-risposta mill-Aġent li l-każ qed jiġi diskuss mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali.
Hekk kif il-pagi baqgħu ma nħarġux, fl-istqarrija l-PN qal li tkellem mal-President tar-Reġjun Tramuntana, li l-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar jagħmel parti minnu, sabiex jintervjeni u jitħallsu l-pagi mir-Reġjun. Huma wegħdu li malli l-Kunsill jerġa’ jibda jopera kif suppost, il-flus jiġu rifużi lura lill-istess reġjun.
“Il-problemi f’San Pawl il-Baħar inħolqu mill-PN” -PL
Min-naħa tiegħu, il-Partit Laburista nsista li l-PN irid jieqaf jwaħħal fil-PL għall-problemi li nħolqu f’San Pawl il-Baħar, li jgħidu li bdew wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia ma kienx kapaċi jżomm il-maġġoranza li kellu f’din il-lokalità.
Għaldaqstant jinsistu li l-problemi li nħolqu huma kollha tort “tan-nuqqas tat-tmexxija tal-istess Delia”.
Fi stqarrija, il-PL innota wkoll kif il-Gvern ħa l-passi kollha meħieġa sabiex tkun implimentata d-deċiżjoni li tat il-Qorti.
Huwa nsista wkoll li issa l-PN irid iwieġeb għall-fatt li l-ħaddiema baqgħu bla salarju minħabba li l-kunsilliera tal-PN, irrifjutat li tmur tieħu l-ġurament bħala l-iktar kunsillier anzjan skont il-liġi u għaldaqstant qalu li waqqfet l-operat tal-Kunsill Lokali.